Buġibba, Tas-Sliema, San Ġiljan, Ħaż Żebbuġ, Ħaż Żabbar, Fgura, Ħal Qormi, Ħamrun, Ħal Luqa, Ħal Kirkop Birżebbuġa, partijiet mir-Rabat, Birkirkara, Imsida, Naxxar u Kalkara – dawn huma l-lokalitajiet li għal-lejl ieħor ma kellhomx provvista tad-dawl; kriżi nazzjonali li issa daħlet fid-9 lejl tagħha, fejn jidher biċ-ċar li l-Gvern għadu ma sabx tarf ta’ dik li issa saret emerġenza.
U minkejja li l-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Robert Abela wiegħed lill-poplu li kollox kien ġie lura għan-normal; il-provvista tad-dawl baqgħet tinqata’ f’diversi lokalitajiet.
Persuni li tkellmu ma’ Net News ddeskrivew din is-sitwazzjoni bħala ‘tal-mistħija’ filwaqt li saħqu fuq il-bżonn li jkun hemm soluzzjoni b’mod immedjat u li din is-soluzzjoni tkun waħda permanenti.
Nies oħra li kellmuna spjegawlna illi meta persuna tibgħat messaġġ lil Enemalta l-unika risposta illi jingħataw hi “li qed jindirizzaw il-ħsarat li hemm” kif ukoll li hemm possibilità li jinqata’ id-dawl f’lokalitajiet oħra.
Intant, quddiem din il-kriżi tad-dawl li issa ilha għaddejja xejn anqas minn 10 t’ijiem, il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jirreżisti milli jitlaqqa’ l-Parlament b’mod urġenti.
//= $special ?>