Lokali

Imbassra temperaturi aktar baxxi

Wara mewġa ta’ sħana ta’10 ijiem, riħ mill-majistral mistenni jġib temperaturi aktar baxxi.

F’dawn l-għaxart ijiem it-temperatura massima laħqet l-42.7°C, waqt li sitt ijiem kellhom temperatura tal-arja li qabżet l-40°C.

Temperaturi aktar qrib il-medja għal Lulju huma mistennija bejn L-Erbgħa u nhar it-Tlieta.

Temperaturi tal-arja aktar pjaċevoli qegħdin jiġu mbassra mill-Uffiċċju Meteoroloġiku għall-jiem li ġejjin, hekk kif l-istess uffiċċju niżżel it-twissija tat-temp il-ħamra li kien ilha fis-seħħ mit-18 ta’ Lulju għal waħda safra.

It-twissijiet tat-temp ħomor jinħarġu meta t-temperatura tal-arja tkun imbassra li ser tilħaq jew tabeż l-40°C, sabiex membri tal-pubbliku jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa kontra temperaturi għoljin ħafna.

L-ogħla temperatura waqt din il-mewġa kienet ta’ 42.7°C u tkejlet mill-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-24 ta’ Lulju. Minkejja li din it-temperatura massima qabżet in-norma klimatika ta’ Lulju bi 11°C, xorta ma kisritx ir- rekords ta’ sħana ġodda. Fil-fatt, ħarsa lejn l-arkivji tal-Uffiċċju Meteoroloġiku turi li r-rekord għal Lulju ġie stabbilit għall-ewwel darba fl-1988, meta waqt mewġa ta’ sħana ta’ erbat ijiem tkejlet temperatura massima ta’ 42.7°C.

L-10 ijiem konsekuttivi ta’ temperaturi ħafna ogħla mill-medja li għadhom kif esperjenzaw il-gżejjer Maltin irriżultaw minn kundizzjonijiet atmosferiċi relattivament dgħajfa li estendew mid-deżert Sahara u stazzjonaw ruħhom fuq iċ-ċentru tal-Mediterran. Minħabba nuqqas ta’ riħ, l-istess massa ta’ ajra weħlet f’post wieħed għal perjodu estiż, li matulu ġiet osservata ż-żieda gradwali tat-temperaturi tal-arja.

Wara sħana daqstant qalila, l-Uffiċċju Meteoroloġiku issa qed ibassar temperaturi li huma aktar qrib lejn in-norma klimatika ta’ Lulju bejn illum u l-ewwel jum ta’ Awwissu. Dan hekk kif riħ mill-Majjistral li mistenni jilħaq Forza 6 sal-Erbgħa 26 ta’ Lulju filgħaxija mistenni jġib bidla fl-arja. Matul il-jiem li ġejjin it-temperatura massima tal-arja hija mistennija li tvarja bejn 30°C u 34°C, filwaqt li dik minima se żżomm madwar is-26°C.

Tags