Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri rrevokat sentenza ta’ ħabs effettiva għal waħda sospiża wara li kien instab ħati li kkawża l-mewt ta’ anzjan waqt li kien qed jaqsam it-triq fl-Imsida fis-sajf tal-2016. Dan wara li rriżulta li l-anzjan kien qed jaqsam b’mod negliġenti. L-anzjan kien miet ftit tal-jiem wara l-inċident.
Joseph Piscopo li llum għandu 39 sena kien ġie kkundannat sitt xhur ħabs u skwalifikat milli jsuq għall-perjodu ta’ ħames snin. Fl-appell is-sitt xhur priġunerija ġew sospiżi għal sentejn filwaqt li l-iskwalifika tal-liċenzja niżlet għal tliet snin. L-inċident kien seħħ għall-ħabta tas-6pm. ġewwa Triq ix-Xatt, Pietà. L-Avukat Ġenerali wkoll appella mill-piena tal-Ewwel Qorti, liema appella ma ntlaqax.
Piscopo kien qed isuq il-BMW tiegħu mill-Imsida matul il-lejla tal-21 ta’ Awwissu 2016 meta laqat lil Salvatore Attard ta’ 79 sena waqt li kien qed jaqsam it-triq. Piscopo kien argumenta li l-vittma ma kienx qed jaqsam minn post fejn suppost jaqsmu n-nies u li l-anzjan kien għamel dan b’negliġenza, bis-sewwieq ma setax jevita li jolqtu.
Il-Maġistrat Doreen Clarke, illium Imħallef, fis-sentenza tagħha dwar il-każ, kienet osservat li l-wiċċ tat-triq kien niexef u li ma kienx hemm skid marks fuq it-tarmak. Il-maġistrat innotat wkoll li l-anzjan miexi kien tliet kwarti ’l barra meta ntlaqat mill-BMW.
Il-karozza wkoll ġarrbet ħsarat gravi fl-inċident, li tefgħet lil Attard ‘il fuq minn 18-il metru mill-punt tal-impatt. Il-viżibilità dak iż-żmien kienet tajba, innotat il-qorti. Kompliet tgħid li s-sewwieqa kellhom id-dmir li joqogħdu attenti ħafna meta jersqu lejn id-dwal tat-traffiku jew il-‘pedestrian crossings’.
Barra minn hekk, is-sewwieqa kellhom iżommu għarfien tas-sitwazzjoni u mhux biss iħarsu ’l quddiem, u jżommu taħt għajnejhom dak li qed jiġri minn naħa għall-oħra tat-triq. Piscopo kien qed isuq sew, kienet qalet Clarke, u naqas milli jipprevedi l-periklu jew inaqqas il-veloċità tiegħu meta ra lir-raġel jaqsam it-triq.
Kien “ċar ħafna” li l-kawża tal-inċident kienet in-negliġenza tal-akkużat u mhux il-fatt li Attard qasam ftit ‘il bogħod minn pedestrian crossing. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena l-Maġistrat innutat li l-akkużat kien sewwieq ta’ esperjenza u diġà kellu kundanna għal sewqan perikoluż. Hija osservat, madankollu, li n-negliġenza tal-vittma kellha sehem fil-mewt tiegħu stess.
L-Imħallef Camilleri nnota l-fatt li Piscopo qal; “Jiena rajtu jaqsam minn bejn is-siġar u l-ħadid minn naħa tax-xellug tiegħi. Jiena rajtu jimxi meta hu kien fuq il-bankina u niżel għal ġo triq. Għalkemm jiena ma
waqqaftx il-vettura għax hu kien li ried jieqaf waqt li jiena kelli nibqa’ għaddej peress li d-dawl għalija kien
aħdar.”
Il-Qorti osservat minn din is-silta jirriżulta ċar, u dan għaliex Piscopp jgħidha darbtejn, li hu kien ra lill-vittma. B’hekk ifisser li mhux il-każ li hu ma rax il-vittma għaliex kellu x-xemx f’għajnejh. Imbagħad iżid jgħid li hu kellu d-dritt jibqa’ għaddej għaliex iddawl kien aħdar għas-sewwieqa.
Minn dan din il-Qorti tikkonkludi li l-appellant kien ra lill-vittma jaqsam u ma setax jirraġuna li għaliex id-dawl kien aħdar huwa jibqa’ għaddej. Huwa proprju dan il-‘proper look out’ li jrid ikollu kull sewwieq u
f’din il-parti tat-triq li n-nies jużaw ħafna, aktar u aktar ma tistax tittieħed l-attitudni li tista’ tibqa’ għaddej għaliex id-dawl kien aħdar u kellu jieqaf il-vittma.
F’dan il-każ is-sewwieq kien ra lill-vittma jinżel ġot-triq u għalhekk is-sens komun huwa li wieħed għandu joqgħod attent li din il-persuna se taqsam ukoll jekk ma kinitx qed taqsam minn fejn suppost. Wieħed irid jeżerċita dritt imma jrid joqgħod attent xorta waħda għaliex dejjem jista’ jkun hemm xi aġir ta’ persuni li wieħed irid jantiċipah.
Il-ħsara hawn kienet prevedibbli. Barra dan meta sewwieq ikun fil-qrib ta’ pedestrian crossing, dan għandu jnaqqas. Il-Qorti nnotat li mill-provi jirriżulta illi l-vittma kien kważi qasam it-triq kollha meta
ttajjar.
Il-ħsara fuq il-vettura kienet fin-naħa tal-lemin tal-parti ta’ quddiem tagħha u kienet qed tinstaq fil-karreġġjata tal-lemin. Ġialadarba Attard ittajjar proprju fl-aħħar tal-wisa’ tat-triq isegwi li Piscopo kellu ċans biżżejjed biex jarah kieku kien qed isuq bil-prudenza.
Apparti minn dan, jirriżulta li bid-daqqa l-vittma tar diversi metri wara li kien ħabat mal-bonnet. Meħud in
konsiderazzjoni dan kollu, inkluż ukoll dak li xehed Piscopo fl-inkjesta Maġisterjali, din il-Qorti tikkonkludi li s-sewqan kien aktar minn dak permissibbli f’dik il-lokalità. Piscopo ġie ordnat iħallas €2004.37 fi spejjeż tal-Qorti.