Lokali Qorti

Konfermata sentenza sospiża wara li ammetta qtil involontarju waqt li kien qed itellaq fit-triq

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ma laqgħetx l-appell tal-Avukat Ġenerali fuq sentenza sospiża mogħtija lil Ayrton D’Amato Quintano li fl-2018 kien instab ħati, fost l-oħrajn, li 10 snin ilu kkawża l-mewt ta’ Filomeno Bonavia f’inċident tat-traffiku li kien seħħ f’Ħal Luqa.  

Il-Qorti ma qablitx mat-teżi tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li sostna li dak iż-żmien Maġistrat, illum Imħallef, Consuelo Scerri Herrera kienet għamlet “żball serju ta’ ġudizzju” meta tat dik li ddeskriva bħala piena “faċli wisq” lil xufier li qatel missier ta’ tliet itfal b’mod illegali waqt tellieqa fit-toroq meta hu kien għad kellu 19-il sena.

Ayrton D’Amato Quintano, li llum għandu 29 sena, kien ingħata sentenza sospiża mill-Qorti tal-Maġistrati wara li ammetta li kkaġuna l-mewt ta’ Filomeno Bonavia ta’ 55 sena mill-Mosta f’Settembru tal-2013. Kien ammetta wkoll li dakinhar ma ħarisx ir-regolamenti tat-traffiku, li kkaġuna ħsara fuq il-karozza tal-vittma u fuq ħajt, u li saq traskurat, perikoluż u b’veloċità eċċessiva.

D’Amato Quintano kien qed itellaq ma’ Sean Borg, li kellu BMW, filwaqt li l-imputat kien qed isuq il-Jaguar ta’ missieru qrib ir-razzett ta’ Ghammieri, meta l-Jaguar qabżet lill-BMW u ħabtet ‘head on’ ma’ ‘pick-up truck’ li kien qed jinstaq minn Bonavia. Bonavia, li dak il-ħin kien qed isuq fil-karreġġjata t-tajba, spiċċa biex miet fil-post tal-inċident.

L-Imħallef Neville Camilleri, innota fost l-oħrajn li l-pjan ta’ kura msemmi mill-Uffiċjal tal-Probation jinkludi li Quintano jibqa’ attiv fid-dinja tax-xogħol. Intqal, li dan ma jkunx possibbli jekk huwa jintbagħat il-ħabs. Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti.

Il-Qorti tal-Appell innutat li l-Ewwel Qorti rat ukoll li Quintano kellu kondotta nadifa, ta’ età żgħira, l-kooperazzjoni tiegħu mal-prosekuzzjoni u r-rapport ta’ inkjesta soċjali mfassal mill-uffiċjal tal-probation tiegħu, u għalhekk kienet imponiet sena. sentenza ta’ ħabs, sospiża għal sentejn.

Iż-żagħżugħ tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni ta’ sentejn u ordnat iħallas multa ta’ €2,000 fi żmien tliet snin. Il-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet sospiża wkoll għal sena. Din is-sentenza ma niżlitx tajjeb mal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li sostna li l-qorti kienet żbaljata meta kkalibrat il-piena.

“Il-każ inkwistjoni ma jittrattax inċident sfortunat fejn, pereżempju, persuna kienet għajjien wara xift ta’ billejl, għażlet li ssuq xorta waħda u b’negliġenza laqat u qatlet lil xi ħadd,” kien sostna l-Assistent Avukat Ġenerali u Kap tat-Taqsima tal-Prosekuzzjoni Kriminali. Philip Galea Farrugia fl’appell ippreżentat,

“F’dawk iċ-ċirkostanzi, sentenza sospiża forsi tkun ideali. Imma hawn għandna mewta li kienet ikkawżata minn bravado. Il-vittma – Filomeno Bonavia ma mietx minħabba inċident sfortunat. Bonavia nqatel biss u esklussivament bħala riżultat ta’ ġennata u l-imġieba arroganti ta’ D’Amato Quintano, li minn jeddu għażel li jtellaq bil-Jaguar kontra BMW f’toroq pubbliċi. L-Ispettur Spiridione Zammit mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għall-imputat.