L-Isptar Mater Dei qiegħed jesperjenza influss enormi ta’ persuni li qed jirrikorru għas-servizzi tal-Emerġenza, b’riżultat tal-mewġa ta’ sħana u l-qtugħ tad-dawl li qed nesperjenzaw fil-gżejjer Maltin f’dawn il-jiem.
Net News diġa’ irrapporta li 10 persuni mietu kaġun ta’ din is-sitwazzjoni, ħafna minnhom anzjani. Din l-aħbar qatt ma ġiet miċħuda mill-Ministeru tas-Saħħa.
Issa, l-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei iddeċidiet illi tipposponi uħud mill-operazzjonijiet li kienu skedati għal għada u għall-jiem ta’ wara.
Il-Gvern qal illi l-pazjenti affetwati b’dan il-posponiment se jingħataw appuntamenti ġodda.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa tennew l-appell tagħhom lill-pubbliku sabiex jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex in-nies jipproteġu lilhom infushom mill-effetti tas-sħana.
Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda ċerti nies huma f’riskju akbar ta’ ħsara serja.
L-Awtoritajiet għas-Saħħa jerġgħu jfakkru li sabiex jiġu evitati l-effetti tas-sħana eċċessiva huwa importanti li wieħed:
• Jevita kull espożizzjoni bla bżonn għax-xemx waqt perjodi sħan tal-ġurnata bejn il-11.00am sal-4.00pm;
• Iżomm frisk billi joqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tax-xogħol;
• Jixrob l-ilma regolarment biex ipatti għat-telf bl-għaraq u jittiekel u ikel kiesaħ;
• Jevita likwidi deidratanti bħall-alkoħol, il-kafè, it-te u soft drinks bil-kaffeina;
• Jilbes ħwejjeġ ħfief;
• Jevita sforz fiżiku fl-iktar ħinijiet sħan tal-ġurnata;
• Jimxi fid-dell, japplika protezzjoni għax-xemx u jintlibes kappell;
• Ifittex parir mediku jekk għandek xi tħassib
//= $special ?>