Lokali Qorti

L-aħħar ċans għal żagħżugħ li qed juri sinjali ta’ titjieb

Żagħżugħ ta’ 26 sena li kien ġie kundannat 16-il xahar ħabs wara nstab ħati li ma osservax l-ordnijiet tal-Qorti wara li ammetta li seraq minn fuq ajruplan kellu sentenza tiegħu mibdula għal waħda sospiża. Dan wara li beda juri sinjali li jrid itejjeb ħajtu. Il-Qorti wissietu li din hija l-aħħar opportunità għalih li jaqbad it-triq it-tajba.

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri qalet li “is-sentenza ta’ priġunerija sospiża mhix, kif jaħsbu xi wħud, ‘a let off’ jew sempliċement ‘a slap on the hand’. Min ikun ġie kkundannat
għal piena ta’ priġunerija sospiża jrid ikun, matul il-perijodu operattiv tagħha, kif jgħid il-Malti, ‘imqarar u mqarben’.

Dan għax appena huwa, matul dak il-perjodu, jikkommetti xi reat ieħor li għalih hemm stabbilita piena ta’ priġunerija, meta jinstab ħati ta’ dak ir-reat l-ieħor tiġi attivata l-piena ta’ priġunerija li tkun ġiet hekk sospiża, u dak li jkun ikollu allura jibda jiskontaha.”

Shamison Stafrace ammetta li fil-15 ta’ Mejju, 2016, minn fuq l-ajruplan seraq mobile u diversi flus kontanti. Huwa kien tpoġġa taħt Ordni ta’ Probation għal 18-il xahar. Huwa reġa’ spiċċa il-Qorti għax ma ħarisx l-ordni tal-Maġistrat billi ma żammx kuntatt mal-uffiċjal tal-probation u ma żammx mal-pjan imfassal għalih sabiex jieqaf mid-droga u jsib xogħol.

Il-Qorti kienet ikkundannatu multa ta’ €100 u estendiet iż-żmien tal-probation għal tliet snin. Huwa reġa’ tressaq il-Qorti għax reġa’ injora l-ordni tal-Qorti u ġie kundannat16-il xahar ħabs. Spiċċa biex appella mis-sentenza u qal li għaddej minn problemi tad-droga u li piena ta’ ħabs ma kinitx se tgħinu.

Saħaq li kien minħabba l-problema tad-droga li ma baqax iżomm kuntatt mal-uffiċjal tal-probation. Kien ġab l-argumunet li perjodu qasir li ma kienx sew ma għandux jarmi t-tajjeb li jkun sar. Il-Qorti qieset il-fatt kif meta kien il-ħabs ħadem mal-professjonisti biex itejjeb ħajtu u li dan l-aħħar “ġab ruħu b’mod eżemplari u ta prova li kien qed jgħix ħajja stabbilità.”

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell  qalet li se tagħtih l-aħħar ċans biex ikompli miexi fit-triq it-tajba li jidher li mixi fiha. Minkejja li sabitu ħati li naqas iħares il-kundizzjonijiet tal-Qorti, hija bidlet is-sentenza ta’ 16-il xahar ħabs għal waħda ta’ tliet snin sospiżi. Hu tpoġġa wkoll taħt ta’ ordni ta’ superviżjoni għall-perjodu 16-il xahar.