Enerġija Lokali

L-Enemalta tħassar il-briefing għall-ġurnalisti

Hekk kif il-kriżi tal-qtugħ tad-dawl kompliet tippersisti, il-Gvern għadu ma jridx jaċċetta li pajjiżna wasal fi stat ta emerġenza għalkemm il-Ministri stess qed jgħidu li din hija sitwazzjoni diffikultuża.

Il-poplu Malti u Għawdxi jinsab ferm irrabjat b’din is-sitwazzjoni għaliex għal diversi iljieli eluf ta’ familji kellhom jorqdu fis-sħana; b’uħud saħansitra jispiċċaw jarmu l-ikel li kellhom maħżun fil-fridges u fil-freezers.

Iżda minkejja dan kollu meta saqsejna lill-Ministru Byron Camilleri x’se jagħmel il-Gvern quddiem dan il-falliment fl-ebda ħin ma tana data meta din is-sitwazzjoni se tirritorna lura għan-normal.

Intant, tul il-jum, l-Enemalta m’organizzatx il-briefing għall-ġurnalisti wara li għall-aħħar ġimgħa u nofs saret laqgħa ta’ kuljum – bla cameras – sabiex jingħataw aġġornamenti dwar il-ħsarat.

Dan wara li għad-disa’ lejl konsekuttiv diversi lokalitajiet madwar pajjiżna esperjenzaw qtugħ tad-dawl – b’uħud min-nies iqattgħu ‘il fuq minn 12-il siegħa mingħajr provvista tal-enerġija.

L-Enemalta qed tgħid illi bħalissa għaddejjin xogħolijiet fuq disa’ ħsarat li żviluppaw fuq cables ta’ vultaġġ għoli taħt l-art. Dawn it-tiswijiet għaddejjin f’Ħal Luqa, il-Marsa, iż-Żejtun, il-Ħamrun, il-Kalkara u Ħaż-Żabbar, fost l-oħrajn