L-istazzjon nazzjonali jistħoqqlu tmexxija indipendenti u ħielsa. Dan intqal minn Graham Bencini, il-Kelliem għall-Isport u x-Xandir Nazzjonali’
Wara r-riżenja tas-Sinjura Norma Saliba minn Kap tal-Aħbarijiet ta’ TVM, kif stqarret pubblikament fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali tagħha, għandha tinħareġ sejħa pubblika biex jiġi żgurat li għal dan il-post important tintagħżel persuna li tkun ġurnalistikament kompetenti, għandha ħiliet fil-tmexxija u tkun politikament indipendenti biex taqdi din il-pożizzjoni importanti ta’ Kap tal-Aħbarijiet tax-Xandir Nazzjonali tagħna.
Il-ħruġ ta’ sejħa pubblika jkun qed jpoġġi fil-prattika dak li qed jiġi propost fl-Unjoni Ewropea permezz tal-Media Freedom Act, proposti li kienu mfaħħra mill-Ministru Owen Bonnici li huwa responsabbli mix-xandir.
Barra minn hekk fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti kien hemm diversi drabi meta nħarġu sejħiet pubbliċi biex jimtela dan l-irwol.
Il-kumitat tal-għażla għandu jkun magħmul minn nies kompetenti fil-ġurnaliżmu u fit-tmexxija u jkunu nies li jgawdu r-rispett minn dawk li jaħdmu f’dawn iż-żewġ oqsma.
Kien hemm bosta każijiet fil-passat fejn il-livell ġurnalistiku, l-aktar fi stejjer fuq il-pjattaforma diġitali tal-PBS ma kinux ta’ livell ġurnalistiku kif suppost. Barra minn hekk kien hemm ħafna każi fejn ix-Xandir Nazzjonali nstab ħati li kien preġudikat favur il-gvern meta xxandar jew għażel li ma jxandarx ċerti aħbarijiet.
Preġudizzju bħal dan jipprovdi nuqqas ta’ servizz u jimmanipula biss lill-popolazzjoni li wara kollox qed tiffinanzja l-istazzjonijiet differenti tal-PBS, inkluż il-pjattaforma diġitali..
Dan il-preġudizzju u l-indħil politiku ġie kkonfermat ukoll mill-qrati tagħna u diversi rapporti internazzjonali li jagħtu tort lill-indħil politiku fil-kontenut editorjali tax-Xandir Nazzjonali bħala wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għall-pożizzjoni ta’ pajjiżna fuq l-Indiċi tal-Korruzzjoni tal-Perċezzjoni, li huwa l-agħar pożizzjoni li qatt irreġistra pajjiżna.
Għalhekk biex forsi nibdew nassiguraw li jkollna Stazzjon Nazzjonali tax-Xandir tassew indipendenti, minflok ma jkollna persuna oħra maħtura politikament biex timla l-irwol ta’ Kap tal-Aħbarijiet, għandha tinħareġ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Liema sejħa trid tkun tassew indipendenti, bl-applikant/a magħżul/a j/titħalla j/taħdem b’mod indipendenti.
//= $special ?>