Internazzjonali

L-Italja: Kuntrasti fit-temp iwasslu għall-imwiet u sitwazzjonijiet allarmanti

Filwaqt li r-reġjun ta’ Sqallija qed jtffaċċja kriżi ta’ nirien mingħajr preċedent, ir-reġjuni lejn in-naħa ta’ fuq tal-Italja, għall-kuntrarju, qed ibatu l-effetti tal-maltemp u l-irwiefen li qaċċtu s-siġar mill-għeruq minbarra li kaġunaw ħsarat kbar fir-residenzi.

Dan fost l-inżul tal-blalen tas-silġ kbar flimkien ma’ elementi oħra tal-maltemp li ħallew lin-nies midruba fost il-ħsarat lill-karozzi kif ukoll lill-art saqwija.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsilli u l-awtoritajiet f’numru ta’ reġjuni talbu lill-Gvern Taljan biex jiddikjara stat ta’ emerġenza minħabba sitwazzjoni li ma għandha l-ebda preċedent fl-istorja tal-pajjiż.

Kienu rappurtati wkoll xi każi traġiċi – bħall-każ tat-tifla ta’ 16-il sena li mietet wara li siġra ċediet għal fuq it-tinda li kienet fiha viċin ta’ Brescia u l-każ ta’ mara li wkoll intlaqtet minn siġra li waqgħet direttament għal fuqha f’Lissone, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Milan.

Ir-reġjuni ta’ Lombardia u Veneto, fil-bidu tal-ġimgħa, ġarrbu l-impatt tax-xita bla waqfien kif ukoll mill-irwiefen ‘estremi’ b’veloċità ta’ 100 kilometru fis-siegħa.

Dan waqt li l-awtoritajiet f’diversi reġjuni tal-pajjiż qablu li l-bidliet fil-klima qed jibdlu l-ħajja għal kulħadd u li l-Italja – l-istess bħall-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa – qed tara xejriet tat-temp li qatt ma dehru qabel.

Sadanittant, fi Sqallija, l-awtoritajiet għall-emerġenzi baqgħu jikkumbattu n-nirien qalb l-aħrax u foresta li baqgħu jheddu lill-ibliet madwar il-gżira. Il-heatwave terribbli fi Sqallija ilha għal talanqas għaxart ijiem u din il-ġimgħa, fil-belt ta’Katanja, kienet irreġistrata temperatura massima ta’ 47.5 gradi Celsius li hu rekord għal kull żmien.

Is-sitwazzjoni tant saret gravi li qed isiru l-evakwazzjonijet tat-turisti mir-resorts u s-siti turistii madwar Sqallija, bin-nirien  — flimkien ma’ effetti oħra tas-sħana – qed jirriżultaw fl-imwiet, fost ċirkustanzi simili anki fir-reġjuni ta’ Kalabrija u Sardinja.

Il-Gvern Taljan, fl-istess ħin, qed jippjana l-miżuri għar-reġjuni li jistgħu, ftit jew wisq, itaffu l-effetti tal-akbar kriżi tat-temp li qatt raw l-Italja u l-Istati ġirien fil-Mediterran.