Żagħżugħ kellu s-sentenza ta’ ħabs effettiva sospiża fuq traffikar ta’ droga mill-Imħallef Neville Camilleri wara li għamel progress notevoli fil-ħajja tiegħu. Jurgen Stanyer appella minn sentenza ta’ sitt xhur ħabs fuq traffikar ta’ kokaina u ecstasy lura fl-2011 umill-Ewwel Qorti. Is-sentenza ta’ sitt xhur ħabs ġiet sospiża għal sena.
Stanyer li dak iż-żmien kien għad kellu 19-il sena kien wieħed minn numru ta’ persuni li ġew arrestati wara li fl-1 ta’ Mejju 2011 kien inżamm party fi stabbiliment ġewwa Ta’ Qali. Fost il-persuni kien hemm l-akkużat.
Żewġ uffiċjali tal-Pulizija xehdu illi waqt li huma kienu qegħdin ħdejn it-toilets tal-post imsemmi, innutaw lil żagħżugħ ieħor u Stanyer. Filwaqt li Pulizija minnhom qal li dawn iż-żewġ persuni kienu qegħdin jiftehmu bejniethom fuq xi ħaġa, uffiċjal ieħor xehed li ġie nnutat li kien għaddej negozju bi flus u li kien qed jgħaddu xi ħaġa lil xulxin.
Filwaqt li fuq il-persuna ta’ sieħeb l-imputat instabu qartas żgħir bi trab abjad suspettat kokaina u żewġ pilloli bojod suspettati ecstasy, fuq l-appellant instabet somma flus. Din is-sentenza iżda kienet appellata mill-istess akkużat kemm fir-rigward tal-mertu tal-kawża kif ukoll fir-rigward tal-piena li l-ewwel qorti qieset xieraq li timponi fis-sentenza tagħha.
Filwaqt li sieħeb l-imputat xehed illi kien jaf lill-appellant minn wiċċu biss, Stanyer qal li anzi kienu jqattgħu ħafna ħin flimkien u li anke l-familji tagħhom kienu jafu lil xulxin. Jirriżulta li l-appellant kellu l-motivi tiegħu biex jgħid illi sieħbu u hu kienu ħbieb u dan sabiex jipprova jagħti l-impressjoni li dan ma kienx għajr każ ta’ traffikar ‘by sharing’.
Minn naħa tiegħu l-imputat qal illi sieħbu u hu ltaqgħu barra b’kumbinazzjoni u skont hu, ftehmu li jixtru żewġ pilloli ecstasy biex jaqsmuhom bejniethom, għalkemm f’mument minnhom jgħid ukoll illi sieħbu kien staqsih minn fejn seta’ jakkwista l-ecstasy biex jaqsmuhom flimkien.
Għalhekk, skont l-appellant, huwa daħal fil-party u akkwista żewġ pilloli ecstasy għalih u għal sieħbu. Skont Stanyer, l-intenzjoni kienet li dawn imorru mal-bar u jieħdu d-droga flimkien, iżda ġara li ġew arrestati waqt li kienu għadhom ħdejn it-toilets.
Filwaqt li fix-xiehda tiegħu l-appellant jgħid li huwa kien iltaqa’ ma’ sieħbu barra b’kumbinazzjoni u li mbagħad dan ċempillu ftit tal-ħin wara biex jiltaqgħu ħdejn it-toilets, li jfisser allura li wara li ltaqgħu barra ma baqgħux flimkien, f’mument minnhom jgħid ukoll illi qagħdu flimkien fil-party
meta huwa evidenti li dan ma kienx minnu.
L-appellant ikkonsma nofs pillola ecstasy biex sussegwentement imbagħad ta lil sieħbu pillola u nofs. Huwa evidenti illi Gauci ma laħaqx ikkonsma minn dawn il-pilloli huwa stress għaliex ġie arrestat mill-Pulizija hekk kif akkwista l-pilloli mingħand Stanyer.
Il-Qorti qalet “illi m’hemmx dubju illi f’dan il-każ ħareġ li l-imputat qak illi sieħbu u hu kienu ftehmu sabiex jieħdu d-droga flimkien jirriżulta bħala fatt illi sieħbu u l-imputat ma kinux ser jieħdu d-droga flimkien fl-istess ħin.
Fil-fatt skont l-imputat, huwa diġa’ kien ikkonsma nofs pillola ecstasy, li skont ix-xhieda tiegħu, għalih
kienet biżżejjed, u dan qabel iltaqa’ ma’ sieħbu sabiex jipprovdilu l-pilloli li kien fadal. Sieħbu kien ħallas lill-imputat għal dak li provdielu l-istess imputat.
Mela allura anke hawn m’hemmx l-element tax-‘sharing’ għaliex skont il-verżjoni tal-imputat, huwa xtara l-pilloli appożitament għal sieħbu u mbagħad irċieva wkoll il-ħlas għalihom Fis-sentenza tagħha iżda, l-Qorti tal-Appell ħasset l-argumenti tad-difiża fir-rigward tal-piena li jidhrilhom xierqa li tingħata fil-każ relattiv kif ukoll sostanzjati u legalment sodi fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari.
Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi mogħtija l-Qorti tal-Appell ipproċediet biex taqleb is-sentenza tal-ewwel qorti f’termini ta’ piena u minflok għażlet li tagħti sentenza sospiża aktar milli terminu effettiv ta’ priġunerija.
Intrinsikament il-motivazzjoni li wasslet lill-Qorti tal-Appell biex taqleb is-sentenza tal-ewwel qorti b’rabta mal-piena li ngħatat mill-Ewwel Qorti kienet dik mitulba mill-avukat difensur, it-talba ta’ l-avukat Michael Sciriha fl-aħħar stadju biex il-Qorti tal-Appell tinbidel f’ qorti tad-droga għall-iskopijiet kollha tal-liġi.
Din it-talba li saret mill-avukat tal-appellant ġiet milqugħa fl-istadju tal-appell, u dan wassal biex l-Stanyer jagħmel progress konsiderevoli sabiex jindirizza d-dipendenza tiegħu mid-droga, liema dipendenza kienet ir-raġuni ewlenija għaliex kien involut f’attivitajiet illegali li eventwalment wassluh l-art. fil-Qorti.
Il-bidla fil-qalb u r-rieda ġenwina ta’ Stanyer li jżomm mal-gwida tal-Bord għar-Rijabilitazzjoni tad-Droga kif ikkontemplata fil-pjan ta’ kura relattiva, wasslu lill-Qorti tal-Appell biex tieħu dawn iċ-ċirkustanzi fuqhom meta ġiet biex tikkunsidra r-raba’ ilment istitwit mill-appellant.
Il-Qorti tal-Appell ħasset li jkun xieraq li Stanyer jingħata opportunità li jkun mexa tajjeb biex jerġa’ jintegra fis-soċjetà, u billi jagħmel dan jibni aktar fuq il-pedament sod li poġġa filwaqt li josserva pjan ta’ kura rigoruż li kien magħmul apposta għalih. Il-Qorti kkonfermat il-multa ta’ 650 ewro mogħtija mill-ewwel Qorti. Għal Stanyer dehru l-avukati Michael Sciriha u Roberto Spiteri.