Wara l-kwalifikazzjoni drammatika l-ġimgħa li għaddiet kontra Glentoran fl-Irlanda, Gżira United għada se jkunu qed jilqgħu fis-Centenary Stadium lil Dudelange tal-Lussemburgu fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa Conference League.
F’konferenza tal-aħbarijiet lejliet il-partita, il-kowċ tal-Maroons Darren Abdilla qal li wara l-kwalifikazzjoni mill-ewwel rawnd kullħadd qed iħares lejn din il-logħba b’ottimiżmu.
”Ninsabu ottimisti wara li kellna partita ta’ emozzjonijiet kbar. Issa li għaddejna nħarsu ‘l quddiem għal din il-logħba kontra Dudelange, tim li jippossedi plejers ta’ ċertu kalibru” qal Abdilla
Preżenti għal din il-konferneza kien hemm ukoll il-captain ta’ Ġżira United Zach Scerri li minn naħa tiegħu kompla fuq dak li qal il-kowċ Darren Abdilla u kkonferma l-ottimiżmu li jeżisti fil-klann ta’ Gżira.
”Naqbel perfettament ma’ dak li qal il-kowċ, irnexxielna ngħaddu round il-ġimgħa l-oħra, wara li kellna battalja kbira mhux ħażin. Għada għandna logħba oħra importanti, ma naqtgħux qalbna, bħala grupp qedin magħqudin ħafna u jekk ikollna prestazzjoni bħal ma’ kellna l-ġimgħa l-oħra nemmen li għandna nġibu riżultat tajjeb, u mmorru l-Lussemburgu l-ġimgħa d-dieħla u nkunu għadna fil-logħba”
Adbilla kien mistoqsi wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-goalkeeper Darija Zarkov li mhux qed ikun mgħajjat mal-iskwadra u jekk għadux taħt kuntratt ma’ Gżira.
”Zarkov għadu taħt kuntratt u għadu qed jittrenja magħna iżda hemm xi differenzi bejnu u bejn l-amministrazzjoni li għalissa mhux iħalluħ ikun jista’ jilgħab magħna. Bħalu hemm ukoll Toni Kollega”
Darren Abdilla qal ukoll li Gabriel Bohrer bħalissa jinsab imweġġa filwaqt li Louis Riascos ma’ ġiex lura mill-Kolombja minħabba problemi familjari.
Gżira United jilagħbu kontra Dudelange, għada l-Ħamis, fis-7pm fis-Centenary Stadium
