Lokali

Pajjiżna jeħtieġ tmexxija soda, li tgħin, u mhux ixxekkel lill-pensjonanti – PN

Huma bosta pensjonanti li qed jaffaċjaw anomaliji fil-pensjoni ta’ kull xahar. Il-Partit Nazzjonalista diġà identifika anomaliji li jeżistu fil-pensjoni taż-żewġ terzi għal dawk il-persuni li twieldu qabel u wara l-1962 tant li fil-Programm Elettorali għall-aħħar elezzjoni ġenerali ddikjara li Gvern Nazzjonalista jimplimenta pakkett għall-pensjonijiet biex ikunu indirizzati l-inġustizzji li għadhom ma ssolvewx sal-lum u li saħansitra qed jixħtu lill-pensjonanti fir-riskju tal-faqar u saħansitra fil-faqar. Il-Partit Nazzjonalista wiegħed li “naraw li l-mekkaniżmu tas-70/30 li qed jintuża bħalissa għaż-żieda lill-pensjonanti mwielda wara il-31 ta’ Diċembru 1961 jitħaddem għall-pensjonanti kollha”

Fl-aħħax xhur intqal li hemm diskussjonijiet għaddejjin biex titneħħa d-distinzjoni fil-pensjonijiet bejn il-persuni li twieldu qabel u wara l-1962. L-istqarrija tgħid ukoll li l-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon tenna li jifhem il-pożizzjoni tal-Għaqda Pensjonanti u s-sitwazzjoni tal-persuni involuti u għalhekk qed jieħu ħsieb li jaħdmu fuqha sabiex għal darba oħra jippruvaw jirranġaw anomalija li ħoloq ħaddieħor.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li jkun tajjeb li jkun magħruf x’miżuri l-Ministru qed jikkontempla. Din ir-riforma kellha tkun riveduta kull ħames snin. Li jfisser li s’issa kellu jkun hemm iktar minn reviżjoni waħda. Tajjeb inkunu nafu x’seħħ f’dawn ir-reviżjonijiet..

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li s-soluzzjonijiet għandhom ikunu dawk għall-2023, li jgħinu verament lill-pensjonant tal-lum.

Dan il-poplu, dan il-pajjiż jeħtieġ tmexxija soda. Tmexxija li taf fejn sejra, id-direzzjoni fejn trid tmur. Ma rridux Gvern ta’ Robert Abela li tilef il-boxxla u li m’għandux idejh fuq it-tmun tal-pajjiż.

L-istqarrija tal-PN kienet maħruġa mid-deputat David Agius u Paula Mifsud Bonnici, flimkien mal-APAN.