Il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-kwistjoni tad-dawl, wara li ma sar ebda investiment min naħa tal-Gvern.
Dan sostnih il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel fin-Naxxar, fejn tkellem mal-ħaddiema u r-residenti li ġew affetwati mill-qtugħ tad-dawl li laqat lil din il-lokalita fl-aħħar jiem. Jakkumpanjawh kien hemm id-deputati tal-PN Graziella Galea, Ivan Catillo u Claudette Buttigieg.
Waqt din iż-żjara, Bernard Grech iltaqa wkoll ma’ ħaddiema tal-Enemalta li kienu qegħdin jaħdmu sabiex jirranġaw xi ħsarat li żviluppaw fil-cables tad-dawl. Hu rringrazzjahom tax-xogħol li qegħdin jagħmlu sabiex il-provvista tal-elettriku terġa tiġi lura kemm jista’ jkun malajr.
Diversi sidien tal-ħwienet, residenti u ħaddiema oħrajn li tkellmu mal-Kap tal-PN spjegaw kemm kien kbir l-impatt tal-qtugħ tad-dawl, hekk kif kellhom jarmu ħafna ikel … u minkejja li kienu bil-bibien magħluqin xorta riedu jħallsu l-kera u spejjes oħra. Saħansitra, kien hemm ħaddiem illi qal li jekk jibqgħu sejrin hekk ikun hemm ċans li jkollom jagħlqu l-ħanut tagħhom għalkollox. Dan apparti li xi ħwienet kellhom ukoll jikru l-generators.
F’kummenti lil Net News, Bernard Grech semma kif l-investiment li kien meħtieġ isir min naħa tal-Gvern ma sarx, minkejja li l-Labour ilu għaxar snin fit-tmexxija.
Apparti li l-Partit Nazzjonalista appella lil Gvern biex jiddikjara stat ta’ emerġenza nazzjonali, provda wkoll diversi soluzzjonijiet għal problemi li qegħdin jaffaċjaw in-nies.
Intant, minħabba l-qtugh tad-dawl, hafna residenti Naxxarin spiccaw joħorġu bil-karozzi bil-lejl sabiex joqgħodu fl-aircondition, jew imorru għand xi qarib tagħhom – dan apparti li xi lokalitajiet intlaqtu wkoll minn qtugħ fil-provvista tal-ilma.
//= $special ?>