Lokali

Tissokta il-ħidma tal-PN biex ikun il-vuċi tar-residenti

Ir-residenti u n-negozji qed jitħallew fil-għama dwar il-qtugħ tad-dawl

Hekk kif qbiżna tmient ijiem li fih il-Gvern qed jonqos lill-poplu Malti fil-provvista tad-dawl konsistenti madwar il-gżejjer kollha, il-Gvern qed jonqos ukoll billi jċaħħad l-aċċess għall-informazzjoni u t-trasparenza dwar dak li jkun qed iseħħ.

F’laqgħa li saret għas-Sindki, Minority Leaders u Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ, ġie mwassal l-ilment li r-rappreżentanti tal-lokalitajiet tagħna mhumiex qed jiġu kkonsultati jew tal-inqas mgħarrfa dwar kif u għalfejn qed jinqata’ d-dawl fil-lokalitajiet rispettivi, u lanqas m’huma qed jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar ħinijiet skedati jew stennija ta’ qtugħ tal-provvista tad-dawl. Anzi, anke meta jippruvaw jakkwistaw informazzjoni – qed isibu bibien magħluqa.

Jidher biċ-ċar li fis-sistema ta’ governanza ta’ pajjiżna, il-Kunsilli Lokali mhumiex qed jittieħdu bis-serjetà.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li din in-nuqqas ta’ informazzjoni u koordinament lill-Kunsilli Lokali, sabiex wara tiġi komunikata mar-residenti u negozji fil-lokalitajiet, qed twassal għall-frustrazzjoni, dwejjaq u ansjetà żejda fuq il-poplu Malti. Il-Kunsilliera Nazzjonalisti b’dispjaċir jinnutaw li jidher li qed tikber forma ġdida ta’ ansjetà fil-kostitwenti tagħhom, u li hi ansjetà li tirriżulta minn biża li jista’ jinqata’ d-dawl f’kull mument – il-biża’ mill-imprevvist.

Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li jappella għas-serħan il-moħħ u biex il-Gvern jifhem ir-realtajiet ta’ pazjenti fl-isptarijiet, anzjani, ġenituri ta’ trabi, persuni bi bżonnijiet li jiddependu mid-dawl, sidien ta’ negozji, u imprendituri li qed jitilfu l-flus kull minuta – jagħmel appell sabiex tal-inqas jikkomunika l-informazzjoni li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, jekk ikollu, u jżomm kuntatt miftuħ mal-Kunsilli Lokali dwar il-qtugħ fil-provvista tad-dawl sabiex ir-residenti u n-negozji jkunu infurmati bl-aħħar żviluppi.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Kelliem tal-PN għall-Gvern Lokali Darren Carabott, il-Kordinatur tal-PN għall-Kunsilli Lokali Charles Bonello kif ukoll Stefan Caruana, is-Segretarju Amministtrativ Organizattiv tal-Partit Nazzjonalista.