Sport Sport Ieħor

Boċċi: Ikomplu l-kampjonati tal-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni

Għaxaq issodaw l-ewwel post meta għelbu lil Żebbuġ 21-6 biex akkwistaw il-11-il rebħa konsekuttiva u jinsabu punt biss ‘il bogħod biex jaċċertaw minn post fil-play-offs meta fadal biss erba’ logħbiet sat-tmiem il-kampjonat.

Quddiem folla numeruża, l-Għaxqin iddominaw il-partita mill-bidu sal-aħħar u jidher li se jkunu wieħed mill-favoriti għar-rebħ tal-kampjonat, bit-tim ikun kompost minn Noel Axiaq, Owen Bezzinau l-fendatur Michael Buhagiar. Għaxaq issa jinsabu żewġ punti fuq Żebbuġ f’ras il-klassifika.

Msida barra minn darhom għelbu lil Birżebbuġa 21-3 biex issa jinsabu fit-tieni post ma’ Żebbuġ bi 13-il punt kull wieħed.

Birgu ħarġu rebbieħa 21-15 kontra t-tim ta’ Birkirkara biex żammew ir-raba’ post bi 12-il punt.

Buġibba kisbu rebħa tajba ta’ 21-3 barra minn darhom kontra Lija u żammew it-tamiet li jakkwistaw post mal-ewwel erbgħa ħajjin, bit-taqtiegħa tidher li se tkun waħda interessanti.

Żurrieq għamlu rebħa tajba ta’ 21-5 kontra St. Peters Boċċi Klabb Żabbar biex b’hekk kisbu s-sitt rebħa u laħqu lil Birkirkara fit-taqtiegħa biex jevitaw ir-relegation pool fejn anke hawn il-logħob jidher li dieħel għal fażi interessanti

Marsamxett ħarġu rebbieħa kontra t-tim ta’ Qormi San Bastjan, li qed ikollhom staġun diffiċli u jinsabu f’qiegħ il-klassifika. Marsamxett rebħu 21-7 b’din tkun ir-raba’ rebħa tal-istaġun għalihom.

Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni

L-aktar partita interessanti fit-Tieni Diviżjoni kienet dik bejn Żejtun u Bormla li ntlagħbet quddiem udjenza sabiħa. Iż-Żwieten ħarġu rebbieħa kontra t-tim tal-ewwel post Bormla bil-punteġġ ta’ 21-14 fejn minkejja li ħarġu telliefa, Bormla baqgħu jokkupaw l-ewwel post biż-Żwieten issa jinsabu fit-tielet post.

Luqa għelbu lil Floriana 21-1 biex baqgħu fit-tieni post punt biss taħt il-leaders Bormla.

Sta. Lucia baqgħu mingħajr rebħa wara li reġgħu tilfu din id-darba 21-17 kontra Fgura.

Cospicua Rangers għelbu lil Żabbar 21-17 biex issa jinsabu punti ndaqs, 10 ma’ Thassalejn wara li t-tim minn San Pawl il-Baħar kiseb rebħa ta’ 21-12 kontra l-Kalkara.