Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu: Aidan Buttigieg champion nazzjonali għall-ewwel darba

Aidan Buttigieg tal-klabb Għawdxi D Sports Lab u Michelle Vella Wood tat-Team Greens huma ċ-champions Nazzjonali tat-Time Trial għal din is-sena 2023 organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.

Għal Aidan Buttigieg din kienet l-ewwel darba fil-karriera tiegħu li huwa spiċċa champion Nazzjonali tat-Time Trial. Filfatt din is-sena huwa spiċċa l-ewwel fil-klassifika tal-Kategorija Elite meta kiseb il-massimu ta’ 600 punt bi tliet rebħiet u darba oħra t-tieni post. Fit-tieni post ikklassifika Clive Bugeja ta’ Mosta CC b’total ta’ 450 punt, segwit fit-tielet pożizjoni minn Jason Vella ta’ Agones SFC bi 415 punt. Storikament din kienet ukoll l-ewwel darba li klubb Għawdxi rebaħ dan it-titlu.

Minn naħa tagħha, Michelle Vella Wood tat-Team Greens rebħet dan it-titlu tan-Nisa għas-sitt darba fil-karriera tagħha meta kisbet total ta’ 530 punt. Warajha spiċċaw rispettivament seħbitha tat-Team Greens, Marie Claire Aquilina b’400 punt u Fiona Tedesco ta’ Mosta CC bi 315-il punt.

Isaac Spiteri ta’ The Cyclist spiċċa champion Nazzjonali tal-kategorija ta’ taħt it-23 sena meta spiċċa l-ewwel fil-klassika b’510 punt. Fit-tieni post spiċċa Jacob Schembri ta’ Mosta CC b’400 punt, filwaqt li Luke Borg ta’ The Cyclist spiċċa t-tielet b’total ta’ 350 punt. Fl-istess kategorija f’dik Feminili, Kristina Spiteri ta’ The Cyclist spiċċat champion b’massimu ta’ 600 punt. Warajha spiccat Veronique Pace Axiaq tal-istess The Cyclist b’ 525 punt.

Nicholas Schembri (Team Greens) spiċċa champion Nazzjonali fil-Masters 40+, b’massimu ta’ 600 punt. Warajh spiċċa sieħbu tat-Team Greens Gordon Howe b’350 punt u David Cushing ta’ B’Kara St Joseph (330 punt). Mentri Kevin Muscat ta’ Mosta CC spiċċa champion Nazzjonali fil-Masters 50+ b’400 punt, segwit minn Enrico Bradamante ta’ Agones Sfc (350).

Matthew Galea (Gozo CC) spiċċa bħala champion Nazzjonali tal-Juniors b’total ta’ 400 punt. Ryan Gatt ta’ The Cyclist spiċċa bħala champion Nazzjonali tal-Juniors b’total massimu ta’ 600 punt. Fit-tieni post spiċċa Ishmael Grima ta’ D Sport Lab (175 punt) u Sean Mercieca ta’ Mosta CC (155 punt). Roanna Farrugia ta’ Agones Afc rebħet il-Kategorija Feminili b’200 punt.

Liam Daly ta’ Shamrock Stars spiċċa bħala champion Nazzjonali ta’ taħt l-14-il sena  b’total massimu ta’ 600 punt. Warajh spiċċaw żewġ ċiklisti ta’ Mosta CC, Ethan Grech b’525 punt u Samwel Attard b’465 punt.

Neil Cassar ta’ Shamrock Stars spiċċa bħala champion Nazzjonali ta’ taħt it-12-il sena  b’total ta’ 575 punt. Warajh spiċċaw żewġ ċiklisti oħra ta’ Shamrock Stars, Isaac Buttigieg b’470 punt u Jake Refalo bi 355 punt. Nina Debono ta’ Shamrock Stars żammet it-titlu bħala champion Nazzjonali ta’ taħt it-12-il sena bniet b’total massimu ta’ 600 punt. Warajha spiċċat Katie Vella Wood tat-Team Greens b’350 punt u Amy St John b’155 punt.

Fi tmiem dawn it-tiġrijiet tal-Kampjonat, il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu uriet l-apprezzament tagħha għaċ-ċiklisti u l-uffiċjali tal-klabbs kollha għas-sehem tagħhom, kif ukoll għal ARRTS Timing System għax-xogħol kbir tagħhom. Grazzi wkoll tmur għas-servizzi rispettivi tal-Kunsilli Lokali, Trasport Malta, il-Puliżija, il-LESA u l-Emergency First Response, kif ukoll lil xi voluntiera, timekeepers u marshalls.