Wara r-rapport żvelat minn In-Nazzjon dalgħodu ‘Lejn taqlib fil-Kabinett’, issa nistgħu nkomplu jiżvelaw kif Robert Abela mhux biss jinsab fi stat ta’ paniku, imma anki fi stat ta’ konfużjoni.
Dan hekk kif minn sorsi infurmati jirriżulta li Ministri qed jirreżistu li jiċċaqilqu mid-dekasteru tagħhom biex imorru jservu f’xi dekasteru ieħor, jew saħansitra jitilfu r-rwol tagħhom fil-Kabinett tal-Ministri.
Aktar kmieni llum sorsi infurmati tkellmu magħna u żvelaw li l-pjani ta’ Robert Abela li jagħmel ċaqlieq kosmetiku jew ftit aktar azzardad sab reżistenza qawwija minn Ministri li akkost ta’ kollox mhumiex lesti li jċedu l-Ministeru tagħhom.
Jirriżulta li hemm diversi fatturi li qed iwasslu lil ċerti Ministri biex jieqfu lil Robert Abela milli jagħmel eżerċizzju ta’ musical chairs bihom… fosthom li dawn bnew xibka ta’ kuntatti fid-dekasteru rispettiv tagħhom u ma jridux li issa dak kollu li bnew isirilhom suf.
Għaliex oriġinarjament l-intenzjonijiet li beda l-ġimgħa bihom Robert Abela kienu li jneħħi lil Anton Refalo minn Ministru tal-Biedja u Sajd invista tal-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar il-famuża ġebla ta’ valur storiku u hekk ikollu l-opportunità li jagħmel jew tibdil żgħir jew inkella tibdil drastiku.
Kollox bażat mill-kitchen cabinett tiegħu, Robert Abela għandu quddiemu – ċioè kellu quddiemu – żewġ direzzjonijiet li kien inkoraġġit li jieħu… jew li jpoġġi lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said minflok Anton Refalo u jieqaf hemm, inkell li jagħmel taqlib aktar drastiku u wiesa’.
Wara l-laqgħa tat-Tnejn tal-Kabinett tal-Ministri li żviluppat f’waħda taħraq u movimentata, il-pjani ta’ Robert Abela ħadu bixra differenti minn kif ippjanat… aktar u aktar meta mbagħad beda jirċievi ċerti messaġġi insidjużi wkoll minn back benchers.
Robert Abela fi stat ta’ paniku u, aktar minn hekk, fi stat ta’ konfużjoni, qiegħed jirrealizza li fil-verità la għandu t-tmun tal-Gvern f’idejh u wisq inqas tal-Partit Laburista f’idejh… bl-influwenzi ta’ Joseph Muscat sadattant ikomplu jikbru u jkunu effettivi
//= $special ?>