Lokali Qorti

“Host” ta’ l-istudenti anzjan mixli li wettaq atti ndiċenti fuq żewġ tfajliet

Anzjan ta’ 70 sena residenti Birkirkara ġie mixli quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li wettaq atti ndiċenti kontra żewġ tfajliet Franċiżi ta’ 16-il sena li kienu qed jgħixu miegħu peress li għal dawn l-aħħar ħames snin ilu jagħmilha ta’ ‘host’ għal studenti barranin li jkunu qed jistudjaw Malta.

L-Ispettur Joseph Busuttil qal lill-Qorti li t-tfajliet għamlu rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal fejn qalu li Mario Farrugia kien qabab il-warrani tagħhom f’żewġ okkażjonijiet separati f’perjodu ta’ erba’ t’ijiem. Huwa ġie mixli li kkommetta atti sesswali mhux kunsenswali u xierqa u li kellhom konnotazzjonijiet sesswali.

Mistoqsi mill-Avukat ta’ Farrugia, l-Ispettur Busuttil qal li huma kienu ilhom jgħixu mal-pensjonant għal madwar ħamest ijiem, f’appartament ta’ żewġt kmamar tas-sodda, fejn hu jgħix ma’ martu. L-iskola tal-lingwi fejn jattendu t-tfajliet Franċiżi qalet lill-Pulizija li Farrugia ilu jaħdem ma’ l-iskola tagħha għal dawn l-aħħar sentejn u qatt ma saru rapporti dwar aġir simili.

Mistoqsi mill-avukat Psaila dwar il-kondotta tal-klijent tiegħu, l-Ispettur Busuttil qal li dan kien instab ħati fuq żewġ inċidenti żgħar fis-snin sebgħin u kien ingħata multa. L-allegati vittmi xehdu fil-Qorti pemezz ta’ ‘video conference’ peress li nhar il-Ħadd iridu jitilqu lura lejn pajjiżhom.

L-ewwel waħda qalet li Farrugia kien messha meta kienet dieħla fil-kċina. “Mario kien fil-bieb hekk kif għaddejn minn ħdejh. Meta għaddejt, messni fuqa in-naħa ta’ wara,’ hekk kif b’idejha bdiet tindika li kien qabdilha l-warrani. “Inħsadt u xi ftit ixxukkjata għax kont qed ngħix f’din id-dar fejn Mario kien qed ibeżżani.”

It-tifla qalet li hija qalet dan kollu lil ħabiba tagħha, li bħalha hija studenta. “Għall-ewwel ma emmnitnix u qaltli li forsi kien laqtek b’idejh. Wara iżda kien għamel l-istess lilha xi erba’ t’ijiem ilu.” Wara it-tfajliet marru għand il-‘group leader tagħhom, li ħadhom l-għassa tal-Pulizija biex jagħmlu rapport.

L-Avukat Ishmael Psaila filwaqt li qal lill-Qorti li t-tfajliet ma qablux f’parti mix-xhieda tagħhom u dan dwar fejn seħħew l-allegati reati u f’liema kmamar, għamel talba għall-pleġġ, li kienet milqugħa mill-Qorti fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,500 u li jiffirma fl-Għassa ta’ Birkirkara darbtejn fil-ġimgħa. L-Ispetturi Joseph Busuttil u Andrew Agius Bonello mexxew il-prosekuzzjoni fejn kienu mgħejjuna mill-Avukat Sean G. Azzopardi mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Ishmael Psaila deher għall-akkużat.