Lokali

Il-cables mhux ifallu minħabba s-sħana

Meta kien mistieden waqt il-programm Perspettivi fuq Net Television, l-inġinier Arthur Ciantar qal illi hu ma jaqbilx ma’ dak li qed jingħad mill-Gvern…illi l-falliment tal-cables ta’ taħt l-art huwa ikkawżat mir-radjazzjoni solari fuq it-tarmac.

Bl-inginier jispjega illi meta tqiegħed cable metru taħt l-art it-temperatura ta’ bejn 22 u 25 grad celcius hija pjuttost kostanti u indipendenti mir-radjazzjoni u t-temperatura tal-arja ta’ fuq. Fil-fatt, is-sħana madwar il-cable hija sħana ġġenerata mill-cable stess bl-overload…għaliex meta jiġi overloaded il-cable jisħon – u letteralment jinħaraq; argument illi jwaqqa’ għal kollox ir-retorika li ilu jirrepeti l-Gvern għal ġimgħa u nofs.

Arthur Ciantar sostna illi waħda mill-kawżi prinċipali tal-fallimenti fil-cables hija l-iżvilupp qawwi f’ċertu postijiet..fejn titwaqqa dar u minflokha jittella’ blokk ta’ 6 appartamenti. U allura filli kellek dar fejn jgħixu 3 jew 4 minn nies ….u issa għandek 6 appartamenti, b’6 services, fejn qed jgħixu 20 ruħ. B’hekk ikun hemm bżonn aktar kurrent mill-cables minn qabel.

B’riżultat ta’ dan in-network jiġi overloaded u jkun hemm wisq kurrent milli jifilħu jġorru il-cables.

Żewġ fatturi oħra li semma l-inginier Ciantar huma l-mechanical damage u l-kwalita’ tal-cables u l-ġonot. Dan filwaqt illi saħaq li l-argument li ġonta tfalli minħabba s-sħana ma jreġix, minħabba l-fatt li l-istess ġonot isiru billi tintuża fjamma.

Arthur Ciantar propona li jsir re-engineering tad-distribution network, pjan nazzjonali ta’ kif se jitwettaq, forecasts għal tal-anqas 15…20 sena, kif ukoll investivment f’materjali ta’ kwalita’. Filwaqt li insista fuq il-bżonn tat-tieni interconnector biex pajjiżna ma jispiċċax f’qagħda aktar kritika – progett li l-PN ilu jitkellem fuqu snin sħaħ.

L-inġinier Ciantar temm bl-appell lill-Gvern biex iħalli l-professjonisti jaħdmu.