Lokali

Il-Gvern għandu minnufih jippubblika r-rapport imħejji mill-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja – PN

Il-Partit Nazzjonalist, permezz tad-deputati Karol Aquilina u Claudette Buttigieg, saħaq illi l-Gvern għandu minnufih jippubblika r-rapport imħejji mill-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja u li ġie ppreżentat lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard nhar it-Tnejn li għadda.

Fi stqarrija li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħareġ nhar it-Tnejn li għadda, tħabbar biss li r-rapport ġie ppreżentat lill-Prim Ministru iżda ma ngħad xejn jekk hux ser jiġi ppubblikat u jekk iva meta ser jiġi ppubblikat.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern ikun trasparenti u onest fil-mod kif jitratta r-rapport imħejji mill-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja. Għalhekk huwa essenzjali li dan ir-rapport ma jibqax sigriet iżda jiġi ppubblikat b’mod sħiħ biex kulħadd ikun jista’ jifhem dak li għandu quddiemu l-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif ftit tax-xhur ilu l-Gvern kien ressaq quddiem il-Parlament tliet abbozzi ta’ liġi li saru bil-moħbi. Dawn it-tliet abbozzi ta’ liġi wrew kif l-intenzjoni tal-Gvern kienet li jkompli jipprova joħnoq il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jisma’ lil dawk kollha li għandhom interess fis-settur tal-media, fi spirtu ta’ djalogu kostruttiv, bl-għan li l-bidliet li jsiru fil-liġijiet ta’ pajjiżna jkunu ta’ sostenn u ħarsien għall-ġurnalisti u għas-settur tal-media f’pajjiżna.