Dħalna fil-ħdax-il jum ta’ kriżi fil-provvista tal-elettriku. Kriżi li poġġiet il-maġġorparti ta’ Malta għarkupptejha – bi ħwienet li jkollhom jagħlqu għaliex bla dawl, ristoranti mingħajr generator ikollhom jgħidu lill-klijenti biex jitilqu, anzjani, morda, tfal u familji sħaħ mitluqin għas-sħana, tidlik u dlam.
F’xi partijiet mill-Mosta d-dawl ġie fis-siegħa ta’ filgħodu; f’San Ġwann wara ġranet sħaħ mingħajr elettriku jidher ukoll li l-provvista ġiet mal-lejl… bil-familji affetwati, sa fl-aħħar, setgħu iqattgħu l-lejl tagħhom għal frisk b’fan jew l-arja kundizzjonata. Setgħu jinħaslu bix-shower għax issa qed taħdmilhom il-pompa tal-ilma. Setgħu isajru għax qed jaħdmilhom il-cooker tal-elettriku.
Madanakollu sal-Ħamis filgħodu persuni li għamlu kuntatt magħna saħqu li xi partijiet minn Birkirkara, n-Naxxar, Ħal Qormi, Tas-Sliema, l-Imsida u l-Belt Valletta għamlu lejl bla dawl.
Kelliema għal Enemalta spjegaw li kollox qiegħed jindika li la darba ma jseħħux aktar ħsarat kollox għandu jkun lura għan-normal sa tmiem din il-ġimgħa. Madanakollu s’issa ma hemm ebda indikazzjoni li xi ħadd se jkun qed jerfa’ xi tip ta’ responsabbiltà politika. Kien għaljekk li l-PN ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Miriam Dalli.
Mistoqsija mill-ġurnalisti jekk hux se terfa’ xi forma ta’ responsabbiltà, il-Ministru Dalli saħqet li r-responsabbiltà tagħha hi li jirritorna lura d-dawl u li m’għandhiex għalfejn tagħmel din il-kriżi ballun politiku.
Madanakollu huwa l-politiku, elett mill-poplu, li għandu jara li pajjiż ma jgħeriqx fi kriżi – li stat membru Ewropew ma jispiċċax fid-dlam u l-attakki tal-affan għal aktar minn ġimgħa. Għalkemm l-iskuża tal-Ministru kienet illi ħadd ma basar li t-temperaturi se jkunu qed jgħolew daqshekk. Dan minkejja li għal aktar minn darba…il-Prim Ministru Robert Abela ammetta fl-aħħar jiem li l-Gvern kien konxju għal żmien twil dwar il-bżonn li kienet teħtieġ manutenzjoni serja fuq il-cables tad-dawl.