Lokali

IL-KRIŻI TAD-DAWL: “Jeħtieġ investiment issa, u mhux sitt snin oħra”

Il-PN qed jipproponi li jsir investiment ta’ miljuni fid-distribuzzjoni tal-enerġija b’mod immedjat sabiex il-pajjiż ma jibqax jistenna 6 snin bħalma jrid jagħmel dan il-Gvern.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta l-Ħamis filgħaxija kien intervistat fuq Net TV, fejn insista illi l-PN qed jipproponi dan l-investiment għaliex ma nifilħux nibqgħu għaddejjin b’din il-problema għal snin sħaħ – sitwazzjoni li għaliha ħadd mhu jġorr responsabbiltà, la Miriam Dalli u lanqas Robert Abela.

Matul din l-intervista, Bernard Grech fakkar fl-appell li għamel din il-ġimgħa sabiex il-Gvern issejjaħ stat ta’ emerġenza nazzjonali ħalli l-għajnuna tingħata issa b’mod immedjat. U b’dan il-mod jiġu mgħejjuna l-eluf ta’ familji li qed ibatu mill-qtugħ fil-provvista tal-enerġija.

Fost il-proposti li semma’ Bernard Grech, hemm l-idea li jintużaw binjiet pubbliċi għan-nies li qedgħin bla dawl u jkun hemm ukoll linji tat-telefown speċjalizzati li jilqgħu l-ilmenti tan-nies. Dan filwaqt li hemm aktar proposti li se jiġu preżentati fil-jiem li ġejjin.

Bernard Grech fakkar kif f’dawn l-10 snin il-Gvern żied il-load fuq is-sistema tad-dawl minħabba li splodiet il-popolazzjoni. “Il-Gvern Laburista ma nvestiex, u ma kompliex bil-pjan li kien inbeda fi żmien Gvern Nazzjonalista”, stqarr il-Kap tal-PN.

Irrefera wkoll għar-retorika tal-Gvern li waħħal il-kriżi tad-dawl fil-cables. Bil-Kap tal-PN jgħid li fis-sjuf preċedenti – meta kellna mewġa ta’ sħana – qatt ma dabu l-cables taħt l-art. “Din hi gidba oħra ta’ Robert Abela”, qal Bernard Grech, “u l-Prim Ministru illum mhux kredibbli.”

Intant, meta tkellem dwar l-inkjesta Maġisterjali li investigat il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, hu fakkar kif dan ir-rapport tal-Maġistrat giddbet lil Robert Abela; rapport illi jitfa’ dawl fuq il-ħtieġa li ssir inkjesta separata.