Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri tagħat l-aħħar opporunità lil tfajla lil kienet fejn ġiet revokata sentenza ta’ xahar ħabs li kienet mogħtija lilha mill-Qorti tal-Minorenni. Dan għax kollox jindika li qabdet it-triq it-tajba.
Hija kienet nstabet ħatja li fl-1 ta’ Jannar 2016 għall-ħabta tad-9pm ġewwa Dar Fra Diegu, fil-Ħamrun ikkaġunat ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq uffiċjal pubbliku u ċioè fuq careworker Richard Albert Scicluna. Dan skont kif iċċertifika Dr. J.P. Tabone tal-Floriana Health Centre, liema reat hu aggravat peress li l-ġrieħi saru fuq il-persuna ta’ uffiċjal pubbliku.
It-tfajla minorenni kienet ammettiet l-akkużi kollha li jinkludu li kienet ħebbet għal care worker sabiex tinġurjah, iddejqu jew tagħmillu ħsara u bil-ħsieb li tbezzgħu. Hija kienet ammettiet ukoll li fit-2 ta’ Jannar 2016 għall-ħabta tat-2.45pm. ukoll ġewwa Dar Fra Diegu, ikkaġunat ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq uffiċjal pubbliku, l-care worker Sebastiana Simler, skont kif iċċertifika Dr. Simon Mifsud MD tal-Floriana Health Centre, liema reat ukoll hu aggravat għall-istess raġunijiet u l-istess akkużi kollha li wettqet fuq Richard Albert Scicluna.
Il-Qorti waslet għal din id-deċiżjoni wara li semgħet lill-Uffiċjal tal-Probation Charisse Boffa tixhed b’dan il-mod. “L-ewwelnett bażikament bħalissa qed insegwi lit-tfajla fuq Ordni ta’ Probation li ngħatat fil-5 ta’ April tas-sena l-oħra mill-‘Juvenile Court’ rigward pussess ta’ cannabis, u dan il-perjodu għal 18-il xahar.
“L-attendenza tagħha mad-dipartiment tagħna kienet dejjem waħda regolari, qisu s-sena l-oħra li kien hemm ftit problemi rigward imġieba tagħha ġewwa l-home fejn hija għadha tgħix, u anka minħabba użu ta’ sustanzi lleċiti.
“Infatti kienet referred il-“Youth in Focus” tal-Appoġġ biex taħdem naqra fuq dik il-problema. Kienet ukoll segwita tul dawn ix-xhur minn Dr. Chantelle Avellino li hija l-forensic psychologist fid-dipartiment tagħna biex taħdem anki fuq ċertu issues, pero’ t-tfajla hija quite resistant biex titkellem fuqha nfisha.
“F’dawn l-ahhar xhur hi wkoll kienet qed taħdem u bidlet madwar żewġ xogħlijiet. Fil-preżent hi ma hijiex qed taħdem xogħol regolarizzat pero’ mill-last session li kelli magħha fejn kien hemm ommha preżenti spjegawli li hi se tibda course għal nail technician.
“Rigward it-tests tal-urina fid-dipartiment tagħna dejjem irriżultaw fin-negattiv għal sustanzi lleċiti. Qisu jiena l-unika tħassib tiegħi f’dan il-punt huwa li tajjeb li toqgħod naqra aktar għad-direttivi tal-home ma’ dak li għandu x’jaqsam il- urine test.
“L-attitudini tagħha tjiebet, anka fil-home, fejn infatti d-denunzji li kienu saru, għax saru diversi mingħandi, tlieta b’kollox, kienu minħabba l-imġieba tagħha dak iż-żmien fil-home,” qalet l-uffiċjal tal-Probation.
Il-Qorti qalet li meħud in konsiderazzjoni dwar dan kollu u in konsiderazzjoni wkoll tal-fatt li t-tfajla kienet għadha minuri, inkluż il-fatt li l-appell ilu pendenti mis-sena 2016 u li mill-kondotta aġġornata tagħha, jirriżulta li l-aħħar kundanna fil-konfront tagħha kienet f’Marzu 2019.
B’hekk din il-Qorti hija tal-fehma li għandha tvarja l-piena nflitta millEwwel Qorti u għaldaqstant se jiġi milqugħ l-appell f’dan is-sens. Li qed tingħata opportunita’ tad-deheb sabiex tevita li tiġi mibgħuta tiskonta piena fil-ħabs b’dan illi hija għandha tagħmel dak kollu neċessarju sabiex tevita li tiġi mibgħuta l-ħabs.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti qalet li qed tilqa’ l-appell fis-sens illi tirriforma s-sentenza mogħtija fil-1 ta’ Ġunju 2016 billi: tikkonferma dik il-parti tas-sentenza fejn instabet ħatja li naqset li toqgħod għall-ħtiġijiet tal-Ordni ta’ Probation mogħti fis-16 ta’ Marzu 2016.
Madankollu qed tħassar u tirrevoka dik il-parti tas-sentenza fejn ġiet ikkundannata xahar priġunerija u minflok tikkundannaha għall-ħlas ta’ ammenda ta’ €200 u tordna li l-Ordni ta’ Probation ta’ sena
mogħtija mill-Ewwel Qorti titkompla għal perjodu li fadal fejn għandu jitnaqqas il-perjodu mis-16 ta’ Marzu 2016 (meta ngħatat l-ewwel sentenza millEwwel Qorti) sal-15 ta’ Mejju 2016.
Il-Qorti wissiet lit-tfajla dwar il-konsegwenzi f’każ li tikser xi waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fl-Ordni ta’ Probation mogħtija mill-Ewwel Qorti. Il-Qorti tal-Appell ordnatilha wkoll biex timxi mad-direzzjonijiet
kollha li jingħatawlha għaliex dawn id-direttivi biss jistgħu jikkonsolidaw il-progress tagħha. Finalment il-Qorti ordnat li kopja ta’ din is-sentenza tiġi mibgħuta lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole.
//= $special ?>