Enerġija Lokali

Il-qtugħ tad-dawl sewa lill-poplu €200 miljun

Daqqa enormi fuq l-ekonomija Maltija. Daqqa fuq in-negozji; mill-ħwienet iż-żgħar sal-fabbriki. Il-qtugħ tad-dawl diġa’ sewa lill-pajjiż 200 miljun ewro.

Dan intqal mill-PN f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-deputati Mark Anthony Sammut, Mario De Marco u Jerome Caruana Cilia… fejn preżentaw stampa ċara tal-impatt li qed iħalli fuq il-ħaddiema u l-familji l-qtugħ tad-dawl – kriżi li ħalliet effetti enormi fuq l-ekonomija, specjalment fuq is-settur tat-turiżmu.

Il-Kelliem tal-PN għall-Enerġija Mark Anthony Sammut fakkar kif quddiem din il-kriżi, il-Prim Ministru baqa’ maqtugħ mir-realta’. Hu fakkar kif f’pajjiżna qatt ma kellna din is-sitwazzjoni fejn jinqata d-dawl għal dan it-tul ta’ żmien. Filwaqt li pajjiżi oħrajn li għandhom sjuf agħar minn ta’ Malta ma esperjenzawx problemi bħalna.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-PN għat-Turiżmu Mario De Marco, semma’ kif is-settur tat-turizmu wkoll ġie milqut mill-kriżi tal-qtugħ tad-dawl. B’mod partikolari lukandi li m’għandhomx generators, kif ukoll l-akkomodazzjonijiet turistiċi privati li qed ikollom problemi kbar meta jinqata d-dawl.

Il-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia irrefera għall-effetti fuq l-intrapriżi ż-żgħar, illi intlaqtu bi kbir minħabba din il-kriżi. Dan filwaqt illi xi kumpaniji kellhom jieqfu joperaw.

Hawn, hu fakkar f’dak li kien qal l-eks Ministru Laburista Edward Scicluna… meta kien attakka lill-PN fuq blackout ta’ ġurnata. Bir-realta’ illum tkun ferm agħar minn tal-2009.

Il-PN qed jinsisti li Miriam Dalli għandha terfa r-responsabbilita politika għal din il-kriżi, u tirriżenja.

Iżda fuq kollox, il-Gvern għandu jżid l-investiment, biex dan il-qtugħ ma jerġax iseħħ.