Lokali Qorti

Każ dwar konfiska ta’ flus lura lill-Qorti tal-Maġistrati għax ma qalitx fuq xhiex instabet ħtija

Il-Qorti tal-Appell ordnat biex każ dwar konfiska ta’ flus mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati jerġa’ jinstema’ mill-ġdid wara li l-Ewwel Qorti ma ddikjarat fl-ebda ħin ta’ xhiex kien qed jinstab ħati l-akkużat. Alaref Fadel A Mana, Libjan ta’ 53 sena, residenti f’lukanda f’San Ġiljan kien ammetta li fis-16 ta’ Ottubru 2016 fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta waqt li kien ser jitlaq fuq titjira TK 1372 lejn Istanbul, naqas li jiddikjara li kellu fil-pussess tiegħu aktar minn €10,000 li huma l-massimu skont il-liġi.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Nevile Camilleri qalet li l-Ewwel Qorti f’ebda ħin ma ddikjarat espressament ta’ x’hiex kienet qed issib lill-appellant ħati u għalkemm fi ftit kliem fis-sentenza appellata kkummentat dwar kif skont hi ġraw il-fatti, b’mod li wieħed jista’ jkollu indikazzjoni vaga ta’ x’hiex seta’ nstab ħati, kollox baqa’ inċert.

Dan partikolarment meta ssir riferenza għall-artikoli ċitati mill-Qorti bħala l-artikoli li suppost jikkontemplaw ir-reati li tagħhom suppost instab ħati, li in parti huma differenti minn dawk indikati mill-Avukat Ġenerali u huma jew ineżistenti jew manifestament mhux relatati mal-każ.

Meta l-liġi issemmi li l-Qorti “għandha tgħid il-fatti li tagħhom dan ikun ġie misjub ħati”, dan ma
jfissirx li dan il-vot ikun sodisfatt bil-fatt li l-Qorti tkun għaddiet in rassenja – anki b’mod eżawrjenti bħal f’dan il-każ – il-provi.

Imma dan ifisser li l-Qorti trid tgħid eżattament u espressament ta’ liema reati sabitu ħati billi u tgħid fil-qosor f’hix jikkonsisti r-reat li rriżulta pruvat. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet “lill-imputat ħati ta’ l-imputazzjoni fuq l-ammissjoni ċara u inekwivoka tiegħu, iżda għar-raġunijiet indikati, il-Qorti permezz
ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 22 tal-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta, llibdertat lill-imputat li ma għandu jagħmel l-ebda reat ieħor fi żmien tliet snin.”

L-Ewwel Qorti ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-ammont ta’ €41,800, 502 Dinar Libjan u
220 dollaru Amerikan, li huma l-flejjes mhux dikjarati. Il-Libjan fl-appell tiegħu li ma jistax jifhem kif
huwa ġie liberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor għall-perjodu ta’ tliet snin u mbagħad l-Ewwel Qorti xorta ordnat ilkonfiska tal-eċċess tal-flus li bi żvista ma kienx iddikjara.

Tenna li ġialadarba l-Ewwel Qorti applikat Artikolu 22 tal-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta, l-Ewwel Qorti ma kellhiex tapplika l-konfiska tal-flus. Fit-tieni aggravju l-appellant argumenta li huwa ma kienx għamel id-dikjarazzjoni in kwistjoni bi żvista għaliex kien tard għat-titjira tiegħu.

Tenna li f’diversi okkażjonijiet kien iddikjara l-eċċess ta’ flus u li wara kollox ir-raġuni wara l-Avviż Legali in kwistjoni hija l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u li ġialadarba l-flus kellhom provenjenza leċita, l-Ewwel Qorti
ma kellhiex tordna l-konfiska.

It-tielet aggravju tal-appellant huwa li l-Ewwel Qorti setgħet applikat Artikolu 21 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta u li rraġuni speċjali f’dan il-każ kienet li l-eċċess tal-flus kien wieħed inċidentali. Għal dawn il-motivi, il-Qorti rrevokat is-sentenza appellata u bagħtet l-atti lill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali sabiex l-appellant jerġa’ jitpoġġa fil-pożizzjoni li kien immedjatament qabel ma ġiet pronunzjata s-sentenza appellata u biex terġa’ tingħata sentenza mill-ġdid skont il-liġi.