Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ sentejn ħabs wara li attakka lil ħuh b’mus

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ sentejn ħabs u ma laqgħetx l-appell ta’ Larson Grech minn Bormla li llum għandu 31 sena wara li fid-19 ta’ Awwissu, 2013 kien attakka lil ħuh u kkaġunalu ġrieħi gravi waqt ġlieda li kienet seħħet bejn l-10.00pm u l-11.00pm fi Triq Matty Grima, Bormla.

Larson Grech instab ħati li weġġa’ lil Alan Grech permezz ta’ mus kif ukoll li ħebb għal Carmelo Tabone. Omm il-ħati kienet ukoll appellat minn sentenza ta’ sentejn ħabs, iżda hija mietet fit-30 ta’ Mejju 2020 u għalhekk il-Qorti ddikjarat l-proċediment estint fil-konfront tagħha.

Huma kienu nstabu ħatja li heddew u ħebbew għal Alan Grech u kkaġunawlu diversi ġrieħi f’diversi partijiet ta’ ġismu, fosthom fil-parti ġenitali tiegħu. Il-ġlieda seħħet wara li allegatament missier it-tfajla tal-vittma qal xi kliem diżpreġġjattiv fil-konfront tar-raġel tal-omm, li dak iż-żmien kien fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Membri tal-famija kienu marru għas-sodisfazzjon u l-qiegħa saħnet ġmielha tant li spiċċaw fl-idejn. Mill-provi rriżulta wkoll li l-mus qatt ma nstab. Alan Grech sofra ġrieħi gravi tant li setgħu ħallew konsegwenzi ħafna aktar serji milli fil-fatt ħallewlu.

L-Ispettur Robert Said Sareo kien qal fil-Qorti li dakinhar tal-inċident, kienu daħlu fl-għassa ta’ Bormla, Alan Grech flimkien mat-tfajla tiegħu Mairwen Tabone. Grech kien jidher mgħejjun mit-tfajla tiegħu u kien jidher li kien ferut għax kellu demm fuq il-ħwejjeġ tiegħu. Il-vittma kien ġie riferut l-Isptar Mater Dei minħabba n-natura tal-ġrieħi li kellu.

Meta kienu mitkellma Alan Grech u Mairwen Tabone, dawn qalu li ftit tal-ħin qabel kienu qegħdin id-dar ta’ Carmelo Tabone, missier Mairwen, meta kienu marru fuq il-post Larson Grech, ħuh ieħor Kurt Grech u ommhom. Meta ħarġu mill-karozza, it-tliet persuni kienu bdew jgħajtu għal Carmelo Tabone.

Meta Tabone ħareġ flimkien ma’ bintu u l-vittma, inqala’ battibekk bejn Larson Grech u Carmelo Tabone. Larson Grech imbotta lil Carmelo Tabone waqt li l-vittma pprova jżomm lil ħuh biex ma jkomplix l-għajjat u l-ġlied. Ingħad li Larson Grech, l-omm u Kurt Grech qabżu fuqu u kien hawn li dan irċieva diversi daqqiet ta’ mus mingħand ommu u ħuh.

Meta waqfet il-ġlieda, l-omm u ż-żewġ uliedha li kienu waslu bil-karozza telqu waqt li l-vittma, it-tfajla tiegħu u missierha reġgħu daħlu fid-dar. Fil-Qorti kien xehed Larson Grech li qal li ftit tal-ħin qabel l-inċident hu kien qiegħed il-bajja tar-Rinella flimkien ma’ ommu x’ħin mar fuqhom ħuhom Kurt jgħidilhom li Carmelo Tabone kien qed jgħid xi diskors dwar missierhom Jacob Grech.

Kien qalilhom li, skont Tabone, kien hemm xi nies li kienu ħa jduru lil missieru fil-ħabs. Grech qal li hu kien maħruq għal dak li allegatament kien qal Tabone u ddeċieda li jmur jaffrontah ħalli jara x’kellu xi jgħid. Grech qal li meta Tabone ħareġ mid-dar, beda jaffrontah bid-diskors li kien sema’ iżda Tabone beda jinnega.

Ħu l-vittma ammetta wkoll li kien imbotta lil Tabone u dak il-ħin qabeż fuqu ħuh Alan. Għalkemm ammetta li l-aħwa spiċċaw fl-idejn, Larson Grech innega li ta daqqiet ta’ mus lil ħuh għalkemm ammetta li kellhom mus fuqhom.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ huh, Larson Grech qal li din kienet waħda tajba iżda kien ħa għalih li ħuh kien qabeż għal barrani u ma kienx qed iżomm mal-famlja tiegħu. Ammetta wkoll li anke ommu kien involuta fl-argument u li anke din kienet refgħet idejha fuq Alan.

It-tnejn madankollu dejjem kienu konsistenti u baqgħu jinnegaw li tawh b’xi mus. L-omm kienet qalet li hi ma tkellimx lil binha għax darba refa’ jdejh fuqha u ħadilha xi affarijiet. Il-Qorti qalet li mhijiex se tiddisturba s-sentena tal-Qorti tal-Maġistrati bil-piena tkun fil-parametri tal-liġi.

L-Imħallef Camilleri qal li f’dan il-każ l-evidenza diretta hija qawwija u ċara u ma tħalli ebda dubju dwar il-ħtija tal-appellant. Lanqas il-fatt li ma nstabx mus ma jfisser li ma hemmx każ. In fatti, fl-atti proċesswali
jirriżulta dak li ħass il-vittma u li qal li ħass meta xehed kif ukoll dak li kkonkludew it-tobba.

Dan kollu jwassal għall-konklużjoni loġika dwar dak li ġara u dwar min kien il-vera responsabbli għal
dak li ġara. Dan jingħad apparti x-xhieda li taw id-depożizzjoni tagħhom dwar dak li kien ġara. Għaldaqstant l-appell kien miċħud bis-sentenza tal-Ewwel Qorti konfermata.