Fl-aqwa tas-sajf. Fl-aqwa tas-sħana. Pajjiż fi kriżi nazzjonali kbira minn kull aspett. Skuntentizza tiddomina fil-Gvern. Dubji u xettiċiżmi trasmetti kemm fiċ-Ċivil u anki fil-privat. U fiċ-ċentru ta’ dan ix-xenarju kollu… Robert Abela li filwaqt li qiegħed jipprova jagħmilha ta’ surmast u jikkoordina l-orkestra tiegħu, qiegħed isib min idoqq l-istrument skont kif jidhirlu, skont kif jaqbillu u skont iċ-ċirkostanzi.
Diversi kwistjonijiet jaħarqu fil-platt li għandu quddiemu Robert Abela li litteralment ma jafx minn fejn se jibda jaġixxi. Bħal kaptan ta’ bastiment li fih dieħel l-ilma minn kullimkien: il-qtugħ tad-dawl u issa anki l-ilma, l-għoli tal-ħajja, il-kwistjoni friska tal-Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja Jean Paul Sofia, l-iżplużjoni tal-kwistjoni tal-popolazzjoni, l-isfreġju ambjentali u t-telqa li hawn madwarna – lista twila daqs is-sriebet tat-traffiku li qed niffaċċjaw ta’ kuljum.
Il-kitchen cabinett ta’ Robert Abela qegħda tħeġġu biex jiċċaqlaq ftit u jibgħat sinjal li qiegħed jagħmel xi ħaġa. Allura issa l-akkużi tal-Pulizija fil-konfront tal-Ministru Anton Refalo. Skont il-kitchen cabinett okkażjoni ideali biex jagħmel tibdil fil-Kabinett tal-Ministri u jagħmel iċ-ċaqlieq.
Skont il-Ministru Anton Refalo, irrabjat tassew, dan kollu hu orkestrat minn ta’ Kastilja biex iqalftuh ’il barra u jkollhom skuża kif jistgħu jimmaniġġjaw taqlib fost il-Ministri.
Iżda anki hawnhekk Robert Abela jinsab f’salib it-toroq. L-għażla hi li jtajjar lill-Ministru Anton Refalo u jipprova jwassal messaġġ ta’ serjetà u akkontabbiltà. Fi ftit kliem Anton Refalo jispiċċa jkun il-ħaruf tas-sagrifiċċju u jeħles minnu bil-pulit anki għaliex mhux kunsidrat ta’ ġewwa fil-‘familja’ ta’ Robert Abela.
Allura jekk isir hekk, Robert Abela jpoġġi lil Alicia Bugeja Said fit-tmun tad-dekasteru tal-Biedja u s-Sajd u fir-rwol tagħha jinħatar Segretarju Parlamentari ġdid u għal dan ir-rwol qed jissemmew numru ta’ back benchers.
Iżda mbagħad fil-kitchen cabinett ta’ Robert Abela hemm min qiegħed jinsisti li fid-dawl taċ-ċirkostanzi u fix-xenarju tal-Maltin u l-Għawdxin mehdija bis-sajf, bis-sħana u l-qtugħ tad-dawl, l-aħjar xenarju hu li jagħmel taqliba tajba fil-Kabinett tal-Ministri.
U kollox jiskatta bit-tluq tal-Ministru Anton Refalo. Iżda mbagħad Robert Abela – li għandu l-pariri wkoll ta’ missieru l-Eks President ta’ Malta George Abela – jista’ faċilment jibgħat ċerti messaġġi.
X’qed jingħad hu li għandu jdabbar ras Stephan Zrinzo Azzopardi li hu responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar – li ma kull ġurnata li qed tgħaddi qed tfalli u tkompli tikber fil-falliment tagħha. Mhux biżżejjed li fit-tmun tal-Awtorità tal-Ippjanar Robert Abela poġġa lil
Oliver Magro bħala l-Kap Eżekuttiv ġdid. Għalkemm Oliver Magro hu minn ta’ ġewwa u fdat, il-kitchen cabinett xorta qiegħed jinsisti ma’ Robert Abela li għandu jkun hemm politiku “minn ta’ ġewwa” wkoll u “fdat” li finalment għandu jġorr ir-responsabbiltà hu u jagħmel it-tibdil li hemm bżonn isir għaliex, skont l-istess kitchen cabinett, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tagħmel wisq ħsara lill-Gvern.
Hemm min issuġġerixxa li ideali għal dan ir-rwol biex “dan il-mostru” – b’riferenza għall-Awtorità tal-Ippjanar – ikun ikkontrollat, jitpoġġa l-Ministru Michael Falzon li attwalment hu responsabbli mis-Sigurtà Soċjali.
Filwaqt li Stephan Zrinzo Azzopardi hu meqjus bħala “soft” wisq, anki mill-imġiba u l-body language tiegħu fil-kwistjoni ‘Jean Paul Sofia’, hemm min qed jgħid li dan għandu jingħata rwol inqas ta’ stoffa. B’riferenza anki għal Julia Farrugia Portelli li oriġinarjament tneħħiet mir-rwol li kellha biex ingħatat il-Ministeru tal-Inklużjoni u l-Volontarjat fejn tista’ tagħmel ħsara mill-inqas. “Għax qed tara x’jiġri… ippreżentalha sitwazzjoni partikulari kif ġara fil-jiem li għaddew dwar il-qtugħ tad-dawl u tgħaffiġa mill-bidu sal-aħħar… ‘Iftaħ ktieb u oqgħod aqra!’”
Darba r-rwol ta’ Ministru tas-Sigurtà Soċjali jkun vakat, allura għal dan il-post qed jissemma l-Whip tal-Gvern Andy Ellul li ilu qatigħ jilgħaq u jipprova jimpressjona biex jilbes iż-żarbun ta’ Ministru. Għalhekk ħabib u meqjus minn ta’ ġewwa fil-grupp ta’ Robert Abela, l-istess Robert Abela dejjem qagħad pass lura fil-konfront tiegħu għaliex hu konxju mill-fatt li r-raġel hu prużuntuż.
Imma mbagħad kemm-il darba jpoġġi lil Andy Ellul fil-Kabinett tal-Ministri u għal darb’oħra jħalli barra lill-back benchers… b’mod partikulari lil uħud minnhom!? Dan hu xenarju ieħor meqjus bħala perikoluż għal Robert Abela għaliex diġà jaf li hu ma jgawdix fiduċja u appoġġ fuq il-back benchers, u azzjoni bħal din fil-
konfront tagħhom – aktar u aktar meta diversi minnhom huma meqjusa bħala ta’ Joseph Muscat – tista’ tikkrealu polgrom sħiħ u aktar problemi serji.
Allura f’dan ix-xenarju hemm min qiegħed jagħtih il-parir li l-aħjar ħaġa fiċ-ċirkostanzi diżastrużi li jinsab fih hu li jżarma s-super-ministers kollha u lil kull Membru Parlamentari Laburista jagħtih xi tip ta’ rwol biex ħadd ma jilmenta jew igerger.
Dan, skont dawk li qegħdin jagħtuh il-pariri, għandu jservi biex Robert Abela jolqto diversi kwistjonjiet:
• Ikun qiegħed jagħti rwol lil kulħadd;
•Ikun qiegħed ikollu r-riegni fil-konfront ta’ kulħadd;
•Fil-każ tiegħu jkun qiegħed jikkoreġi s-sitwazzjoni ta’ super-ministers li ma rnexxewx;
• Ikun jista’ jwassal messaġġ li qiegħed jiddeċentralizza.
Naturalment ma jfissirx li issa l-Membri Parlamentari Laburisti kollha se jaħtarhom Ministri. Xejn minn dan. Xorta waħda jkun hemm il-Kabinett tal-Ministri, iżda mbagħad taħthom ikun hemm strutturi ta’ Segretarji Parlamentari b’kull membru jkun iffukat fuq is-suġġett partikulari assenjat lilu.
Fl-isfera ħolistika mbagħad qed iqumu żewġ problemi partikulari oħra. X’għandu jagħmel f’dan ix-xenarju mill-Eks Ewroparlamentari Miriam Dalli li fil-jiem li għaddew tilfet il-qaleb u l-ġbejna dwar il-kwistjoni tal-elettriku. Falliment totali għal Miriam Dalli li sa mill-bidu nett li kienet ingħatat id-dekasteru tal-Enerġija, kien hemm min staqsa xi kredenzjali għandha din f’dan il-mestier tant tekniku u sofistikat.
Ħareġ fil-jiem li għaddew li Miriam Dalli mhux biss ma tifhimx fl-enerġija u fid-distribuzzjoni tal-elettriku, iżda hi jkollha tiddependi għalkollox mill-inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta… jiġifieri jkollha esklussivament tiddependi mill-providenza ta’ dwan in-nies u xejn aktar għaliex ma tifhimx saħta.
L-għajta dwar Miriam Dalli hi li għandha tirreżenja mir-rwol tagħha u saħansitra l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel pressjoni – anki b’Mozzjoni ta’ Sfiduċja fiha – biex tonora l-ġurmaent ta’ lealtà u twarrab minn Ministru responsabbli għall-Enerġija. Issa pajjiżna ilu għal diversi jiem fi kriżi u f’emerġenza nazzjonali b’eluf kbar ta’ persuni ta’ kuljum qed ibatu minn blackouts kontinwa għal sigħat twal.
Mela hemm min qiegħed jistaqsi hux il-każ li Miriam Dalli ttir ukoll minn Ministru responsabbli mill-Enerġija u tintbagħat fi rwol mhux daqstant tekniku… possibbilment Ministru responsabbli mix-Xandir Pubbliku!
L-istess diskors qiegħed jingħad fil-konfront tal-Ministru Jonathan Attard li kulma jmur qiegħed joħroġ dejjem aktar kemm hu Ministru perikoluż – aktar u aktar wara l-imġiba tiegħu fil-kwistjoni Jean Paul Sofia. Iżda f’dik il-frodi ppjanata hemm imdeffes ukoll l-istess Robert Abela u allura mhux se tkun faċli li jtajru minn dan id-dekasteru u jpoġġih Ministru tal-Intern flok Byron Camilleri, u Byron Camilleri jintbagħat bħala Ministru tal-Ġustizzja.
Is-sorsi li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li Robert Abela mhux biss hu f’paniku kbir, imma anki l-mod kif żvolġiet il-laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri tat-Tnejn li għadda kienet xhieda ċara li l-affarijiet mhumiex sejrin tajjeb… b’għajjat u storbju u b’tempi urġenti fuq l-aġenda posposti għall-ġimgħa d-dieħla!
//= $special ?>