Il-programm ‘Opinjoni’, li kien jixxandar fuq NET TV kull nhar ta’ Ġimgħa fid-8.45 pm, stabilixxa bħala wieħed mill-programmi ewlenin ta’ diskussjoni politika u ta’ ġrajjiet kurrenti fost il-programmi kollha tal-istess format fuq l-istazzjonijiet kollha, inkluż dak nazzjonali.
Dan jirriżulta mill-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir ippubblikat fl-aħħar ġranet u li wera li fil-perjodu li fih sar l-istħarriġ, il-programm ‘Opinjoni’ kellu udjenza ta’ 42,000. ‘Opinjoni’ irnexxielu jżomm din l-udjenza matul il-programm kollu. Minn dan l-istħarriġ irriżulta li b’mod ġenerali, NET TV kellu żieda pożittiva fl-udjenzi.
Din kienet l-ewwel skeda ta’ NET TV li fiha beda jixxandar il-programm ‘Opinjoni’, ppreżentat minn Dione Borg. Il-programm hu wieħed ta’ diskussjoni li fih ikunu trattati ġrajjiet kurrenti u suġġetti topiċi b’enfasi fuq il-politika.
‘Opinjoni’ jippreżenta opinjonijiet differenti fuq is-suġġetti li jkunu qed jiġi diskussi b’mistednin minn setturi differenti tas-soċjetà u b’opinjonijiet politiċi differenti. Il-programm jiffoka fuq l-aħħar ġrajjiet kurrenti u fost is-suġġetti li ddiskuta kien hemm l-abort, il-popolazzjoni, iż-żgħażagħ u l-politika, is-sigurtà, il-kostruzzjoni, it-traffiku, is-sigurtà fit-toroq u l-politika b’mod ġenerali.
L-aktar programm segwit fuq NET TV hu NET News li laħaq udjenza ta’ 83,000 telespettatur waqt li l-programm ta’ ġrajjiet kurrenti NET LIVE laħaq udjenza ta’ 30,000. Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li fost l-aktar programmi segwiti u popolari mat-telespettauri Maltin hemm l-aħbarijiet, drama, programmi ta’ divertiment, programmi ta’ diskussjoni u anki loħob tal-football.
Mill-istħarriġ jirriżulta li disa’ minn kull 10 Maltin isegwi t-televiżjoni waqt li tnejn minn kull tlieta jsegwu r-radju. 18% tar-residenti f’Malta jsegwu produzzjoijiet online. Jirriżulta wkoll li 88% tar-resdenti f’Malta jsegwu t-televiżjoni, b’56% minnhom isegwu kemm l-istazzjonijiet lokali kif ukoll dawk barranin. 82% tar-residenti Maltin ma jsegwux programmi magħmula għall-online portals waqt li t-18% li jsegu l-online portals l-oħra huma ġeneralment żgħażagħ.
L-istħarriġ juri li b’mod ġenerali, l-aħbarijiet huma l-aktar popolari u segwiti b’76% tal-preferenzi.
Konklużjoni oħra tal-istħarriġ hi li 46% tal-Maltin jirrikorru għat-televiżjoni biex ikunu aġġornati dwar il-ġrajjiet kurrenti filwaqt li 27% jippreferu l-Facebook. 13% jippeferu n-news portals għall-aħbarijiet waqt li huma biss 6% li jippreferu r-radju għall-aħbarijiet.
L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir sar bejn il-Ħadd 21 ta’ Mejju u s-Sibt 27 ta’ Mejju 2023 u kien mibni fuq 2,100 intervista magħmula 300 kuljum.
//= $special ?>