Lokali

Pajjiż fi kriżi bi gvern bla pjan – FPPN

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) huwa mħasseb bis-sitwazzjoni preżenti li jinsab fiha pajjiżna; sitwazzjoni li tista’ tiġi deskritta biss bħala kriżi nazzjonali li qegħda timpatta kull settur f’pajjiżna.

L-instabbilità fil-provvista tad-dawl f’pajjiżna qed ikollha impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha. Sitwazzjoni fejn illum il-ġurnata wieħed sar ikun anzjuż jaħseb fuq jekk hux ġej xi lejl ieħor mingħajr mistrieħ minħabba nuqqas ta’ elettriku. Sitwazzjoni li fuq kollox qegħda timpatta l-abbiltà ta’ persuna li jagħmel xogħlu bl-aħjar mod possibli sforz in-nuqqas ta’ mistrieħ u l-ansjetà enormi li qegħda taħkem.

Huwa ċar li l-gvern Laburista falla fejn jidħol l-ippjanar. Kif aktar tista’ tifhem il-kriżi fil-qasam ta’ l-enerġija? Kif aktar tista’ tifhem il-kriżi fil-qasam tas-saħħa fejn l-isptar Mater Dei jinsab mifni minkejja kull sforz qalbieni tal-professjonisti mediċi li qegħdin jissieltu sabiex joffru l-aħjar servizz possibli? Kif aktar tista’ tifhem il-kriżi fil-qasam ambjentali minkejja twissija wara l-oħra mlissna min esperti fil-qasam tal-ippjanar ambjentali? 

Dak li qiegħed iseħħ fil-qasam tal-enerġija huwa biss sintomatiku tal-gvern ta’ Robert Abela; gvern bla pjan li ħalla kollox għal riħu u ħalla lill-pajjiżna jinżel ġo kriżi nazzjonali.Fl-isfond ta’ dan kollu huwa ta’ għajb li Robert Abela jippersisti li jibqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn u li jirrifjuta kull sejħa sabiex pajjiżna jibda jindirizza l-problemi llum qabel għada, kif qegħdin jitolbu bosta. L-inqas ħaġa li jista’ jagħmel il-gvern huwa li jaċċetta li ssir laqgħa tal-MCESD u jsejjaħ laqgħa b’urġenza tal-Parlament. L-interess nazzjonali għandu jiżboq kull pjan ta’ xi vaganza estiża.