Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-ħaddiema ddedikati tal-Enemalta għar-reżiljenza tagħhom biex jaħdmu fl-aktar kundizzjonijiet ħorox. Huma tpoġġew f’pożizzjoni li mhix tort tagħhom, iżda se jkollhom ikunu huma li jsolvu s-sitwazzjoni li teżisti.
Dawn huma l-veri eroj, li qed jaħdmu bil-lejl u bi nhar biex iġibu lura l-elettriku fi djar li ilhom bla elettriku għal ġranet sħaħ. Dawn il-ħaddiema wieġbu b’qalbhom meta pajjiżhom kellu bżonnhom. Xi wħud minn dawn l-impjegati jmorru lura fid-djar tagħhom mingħajr elettriku u mistennija jqumu għax-xogħol biex jirrepetu ġurnata xogħol oħra ta’ tbatija kbira.
Dawn il-ħaddiema, li qed iqattgħu sigħat ’il bogħod mill-familji tagħhom, jixirqilhom li jiġu kkumpensati tajjeb, mhux biss finanzjarjament iżda anke b’leave addizzjonali bħala kumpens għall-ħin mitluf minn mal-familji tagħhom.
Barra minhekk, fid-dawl tal-fatt li ħafna negozji ddeċiedew li jagħlqu l-bibien tagħhom u jibgħatu lill-impjegati bil-leave u f’xi każi anke bla ħlas minħabba provvista instabbli tal-elettriku, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk il-Gvern ta’ Robert Abela hux se jkun qed jagħmel tajjeb għat-telf tax-xogħol, danni oħrajn u l-pagi tal-ħaddiema.
Din il-kriżi nazzjonali qed ikollha impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema kollha u ta’ min iħaddem, kif ukoll fuq id-dħul tagħhom, f’ambjent fejn l-għoli tal-ħajja splodiet. Hu biss il-Gvern ta’ Robert Abela li hu responsabbli għal din il-kriżi nazzjonali.
Dan intqal minn Mark Anthony Sammut, il-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża, u Ivan Castillo, il-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol.
//= $special ?>