Lokali Qorti

Probation għal raġel li ta daqqa ta’ sikkina lil sewwieq wara ‘road rage’

Raġel residenti l-Furjana tpoġġa taħt probation għal sentejn wara li nstab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil sewwieq ieħor wara inċident tat-traffiku f’Marzu tal-2020, f’hekk imsejjħa ‘road rage.’ Leandro Mansueto ta’ 21 sena nstab ħati li weġġa’ lil Glenn Cassar, ta’ 25 sena mill-Belt, meta aggredih b’sikkina li qal li għamel dak li għamel biex jiddefendi lilu nnifsu..

Il-Qorti semgħet kif l-inċident seħħ kmieni waranofsinhar fi Triq il-Mediterran, il-Belt Valletta. Cassar kien qed isuq ma’ ħuh tul dik il-medda tat-triq u ħabat f’żewġ vetturi pparkjati biex jevita ħabta ma’ karozza misjuqa minn Mansueto.

It-tnejn bdew jargumentaw, u Cassar allegatament ingħata daqqiet ta’ sikkina f’siequ minn Mansueto, li ħarab mill-post meta intervjeniet il-pulizija. Sussegwentement ġie ntraċċat u arrestat id-dar. Fil-Qorti, Mansueto qal li kien telaq minn fuq il-post għax Cassar u ħuh kienu qed jgħajtu, ibeżżgħu lil uliedu li dak il-ħin kienu fil-karozza. Huwa ħa lit-tfal id-dar, ġabar lil ħuh u mar lura fuq il-post biex jipprova jara kif se jsolvi l-kwistjoni.

Mansueto qal li kien qed jibża’ mill-familja Cassar u sostna li dak li għamel kien biex jipproteġi lilu nniffsu, każ ta’ ‘self defence.’. Madankollu, il-Maġistrat Leonard Caruana ma qabilx ma’ dan l-argument peress li Mansueto kien mar id-dar u kien jaf x’se jistenna meta ddeċieda li jirritorna biex jirranġa l-affarijiet.

Mansueto qal lill-Qorti li ħareġ is-sikkina tiegħu biex ibeżża’ lill-aggressuri tiegħu u ma kienx jaf kif laqat lil Cassar bis-sikkina, li mbagħad tefa’ fil-baħar qrib il-Lukanda Excelsior. Mansueto nstab ħati li weġġa’ ħafif lil Cassar wara li espert maħtur mill-Qorti kklassifika l-ferita bħala qasma aktar milli ferita ta’ sikkina peress li l-qatgħa ma kinitx fonda u l-ebda arterija tad-demm ma spiċċat imtaqqba.

Mansueto instab ħati wkoll li ġarr arma waqt li kien qed jagħmel reat u li kellu sikkina mingħajr il-liċenzja meħtieġa tal-pulizija. Il-Maġistrat Caruana poġġieh taħt probation għal sentejn u mmultath €116 talli ġarr arma mingħajr liċenzja. Ħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni favur Glenn Cassar u ħuh Maverick u ordna lil Mansueto iħallas €288 fi spejjeż tal-qorti.

L-Ispettur tal-Pulizija Jeffrey Scicluna mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu avukati difensuri.