Sport Sport Ieħor

Sport tas-sajd: Miguel Grech jirbaħ it-tieni sajda tal-Mulett

John Attard jibqa’ fl-ewwel post overall

F’Marsaxlokk, fiż-żona ‘Il-Magħluq’, taħt xemx taqli, nhar il-Ħadd il-KSFA organizzat it-tieni kompetizzjoni minn erbgħa tal-Mulett.

Miguel Grech ġie fl-ewwel post b’1.4 kilo ta’ ħut, segwit mill-qrib minn Charles Caruana b’1.3kgs. It-3 pożizzjoni kisibha Alex Genovese li kellu qabda ta’ 0.75kgs. Tajjeb li jingħad li s-sajjieda kollha, minkejja l-kundizzjonijiet estremi, għamlu minn kollox biex jibqgħu sal-aħħar.

John Attard, li kien ir-rebbieħ tal-ewwel sajda ta’ dan it-tip, għadu l-’leader’ overall, għalkemm b’vantaġġ minimu ta’ 37 gramma biss fuq ir-rebbieħ Miguel Grech.

Dak li ġie fit-tieni post il-ġimgħa li għaddiet, Carmelo Quattrocchi jinsab fit-tielet post overall, 84 gramma wara t-tieni post. Bla dubju li t-tielet sajda, li se tkun organizzata fit-3 ta’ Settembru ser tkun interessanti ferm.