Futbol Sport

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Is-Super Falcons jitilgħu fl-ewwel post b’rebħa fuq l-Awstralja fi Brisbane

(Ritratt: EPA)

Grupp B:

AWSTRALJA………2

NIĠERJA……………3

Rebħa importanti għan-Niġerja kontra wieħed mill-organizzaturi l-Awstralja, hekk kif fis-Suncorp Stadium, fi Brisbane, għelbuhom 3-1.

Kellna nistennew sal-ewwel minuta tal-ħin miżjud biex rajna l-ewwel gowl, bl-Awstraljani jmorru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Emily van Egmond minn pass ta’ Caitlin Foord. Fil-ħin miżjud ukoll, ħames minuti wara n-Niġerjani ġabu l-iskor indaqs meta l-ewwel xutt ta’ Ajibade kien devjat, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Uchenna Kanu li mill-viċin għelbet lil Arnold, bl-ewwel taqsima tispiċċa fi draw ta’ 1-1.

Fit-tieni taqsima n-Niġerja ħarġu b’aktar determinazzjoni u fil-65 minuta reġgħu marru għal darb’oħra fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ korner, Ajibade bir-ras provat lejn il-lasta fejn kien hemm Osinachi Ohale li minn fuq il-linja kompliet bir-ras għal ġewwa.

Ħames minuti wara, is-Super Falcons saħansitra skorjaw it-tielet gowl meta kien żball tad-difensura ta’ Manchester City Alanna Kennedy li bir-ras irregalat il-ballun lil Asisat Oshoala, bl-attakkanta ta’ Barcelona taqbeż anke lill-goalkeeper u titfa’ ġewwa f’lasta vojta.

Kennedy irranġat ftit l-iżball 10 minuti fuq il-ħin miżjud meta minn korner ta’ Kyra Cooney-Cross bir-ras tefgħet fix-xibka, iżda dan il-gowl wasal tard wisq hekk kif ftit sekondi wara waslet it-tisfira finali u tliet punti għan-Niġerja li jtellawhom fil-quċċata ta’ Grupp B.