Il-Prim Ministru ilu ħamest ijiem illi qal lin-nies li s-sitwazzjoni tad-dawl ġiet għan-normal. Iżda l-verità hi, li għad hemm 25% tal-ħsarat li sal-lum għadhom ma ġewx solvuti.
Din iċ-ċifra ingħatat mill-Enemalta stess, hekk kif issa dħalna fit-12-il jum ta’ din il-kriżi nazzjonali, fejn ċertu żoni għadhom qed isofru qtugħ ta’ dawl jew vultaġġ baxx ħafna. U minkejja li l-ħidma kompliet anka matul il-lejl li għadda, madwar 25% tal-ħsarat għadhom ma tranġawx.
L-Enemalta qed tgħid li l-provvista tal-elettriku lill-klijenti affetwati minn dawn il-ħsarat ġiet mogħtija lura permezz ta’ konnesjoni b’networks alternattivi jew permezz ta’ sistemi ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija temporanji.
Sal-Ġimgħa stess, mijjiet ta’ familji kienu għadhom qed jirrapurtaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku minħabba diffikultajiet kaġunati minn vultaġġ baxx. Dan wassal ukoll għal ħsarat f’diversi appliances.
Din il-kriżi tad-dawl ilha għaddejja mill-ġimgħa li għaddiet, bil-Partit Nazzjonalista jistma li l-blackouts ħallew effett negattiv fuq l-ekonomija; effett illi huwa kalkulat li jaf ilaħħaq ‘il fuq minn 200 miljun ewro.
F’dawn it-tnax-il-jum, kienu eluf dawk il-familji li qatgħu iljieli bla dawl, ħwienet li kellhom jagħlqu u ristoranti li kellhom iwaqqgħu l-bookings tal-klijenti tagħhom. Dan apparti li l-qtugħ fil-provvista tal-enerġija affetwat direttament anke l-isptarijiet.
//= $special ?>