Enerġija Lokali

Disa’ proposti mill-PN għad-distribuzzjoni garantita tad-dawl

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma cari – pjan ghall-energija, li jinkludi fost l-oħrajn il-privatizzazjoni tan-network tad-distribuzzjoni, sabiex il-poplu jibda jgawdi mill-aqwa servizz possibbli.

Waqt konferenza tal-ahbarijiet indirizzata mill-Kap tal-PN Bernard Grech, ġew preżentati 9 proposti biex jissaħħaħ is-settur tal-enerġija u d-distribuzzjoni tal-elettriku.

Dawn jinkludu: investiment fin-network tad-distribuzzjoni tad-dawl lejn id-djar tal-familji u n-negozji, sistema li tanalizza zoni fejn hemm vultaġġ baxx u x-xejriet tal-konsum, tkun imposta rata ta’ disponibbilta tal-elettriku, issir revizjoni fil-process tal-procurement tal-Enemalta, incentivi għal binjiet b’livell għoli ta’ efficjenza fl-enerġija, incentivi biex soqfa ta’ binjiet tal-Gvern jintużaw għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva, installazzjoni ta’ batteries biex tissaħħaħ il-qawwa tal-grid nazzjonali, jiddaħħlu rati orħos għall-ħinijiet off-peak, u li jkun liberalizzat is-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-PN għall-Enerġija Mark Anthony Sammut spjega t-tliet aspetti li qed jimbotta ‘l quddiem il-Partit Nazzjonalista – u li fuqhom huma ibbażati id-9 proposti illi huma immirati sabiex jissaħħaħ is-settur tal-enerġija f’pajjiżna, kif ukoll miżuri sabiex il-kriżi li għaddejjin minnha bħalissa ma terġax isseħħ.

Il-Kelliem tal-PN għax-Xogħolijiet Pubbliċi u l-Infrastruttura Ryan Callus semma kif l-infrastruttura ta’ pajjiżna għandha taqdi l-mument – għaliex fil-mument tal-prova, is-sistema falliet.

Hu fakkar kif il-Ministru Miriam Dalli gidbet lil poplu Malti meta qalet li dawn il-problemi tad-dawl huma xi ħaġa tal-passat, hekk kif il-kriżi tad-dawl li għaddejjin minnha bħalissa hi l-agħar waħda li qatt esperjenza.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed isostni li dawn il-proposti huma kruċjali sabiex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem min din il-kriżi.

Bernard Grech minn naħa tiegħu tenna illi dawk kollha li gew affetwati minn din il-kriżi għandhom jiġu kkumpensati, kif ukoll ikun hemm miżuri sabiex il-kumpens jingħata b’mod awtomatiku.