Wara pressjoni mill-MCESD, il-Gvern kellu jikkommetti aktar flus li se jiġu investiti sabiex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Huwa dan l-eżitu ta’ laqgħa twila li saret f’Kastilja u li issejħet mill-MCESD għall-membri tagħha; laqgħa li għaliha stiednu anke lill-Prim Ministru.
F’din il-laqgħa, – li damet kważi erba’ sigħat – il-Prim Ministru wiegħed fost l-oħrajn it-twaqqif ta’ Awtorita għat-Tibdil fil-Klima – xi ħaġa li kienet diġa’ proposta mill-Partit Nazzjonalista snin ilu, u li iżda l-Labour kien baqa’ jirreżisti. Mhux ta’ b’xejn li l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, irrefera għal dak li qal Abela lill-membri tal-MCESD bħala “too little too late”.
Dwar din il-laqgħa tal-MCESD, ikkummentaw l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella fejn it-tnejn li huma saħqu fuq l-importanza li t-tiswijiet isiru b’mod immedjat sabiex din is-sitwazzjoni ma tirrepetix ruħha.
Dwar il-laqgħa tal-MCESD tkellem ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illi minn naħa tiegħu insista li issa żmien l-iskużi spiċċa.
Intant, wara l-laqgha tal-MCESD, il-ġurnalisti saqsew lill-Ministru Miriam Dalli jekk hux se tiskuża ruħha mal-poplu għall-kriżi li esperjenza fl-aħħar ġimgħatejn bil-Ministru ma tagħti ebda garanzija li mhux se jkollna aktar blackouts fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>