Fil-mument li l-Ministru Miriam Dalli għażlet li ddawwar il-kriżi tad-dawl f’ballun politiku – mal-ewwel spikkaw il-baraxx ta’ kummenti kontra din il-mossa tagħha.
Dan hekk kif fuq Facebook mijjiet ħarġu jikkritikawha għall-fatt li qed tuża din l-iskuza tal-partiġjaniżmu meta tigi mistoqsija fuq il-ħidma li suppost qed jagħmel il-Gvern. B’kumment minnhom jgħid li saħansitra anka fl-Iran kellu jireżenja Ministru minħabba l-kriżi tal-enerġija. Waqt li oħrajn kitbu li din hija kwistjoni politika, u tkun qed tagħmel żball jekk tiprova tgħid mod ieħor.


Il-Ministru Dalli, fil-post tagħha, qalet li l-Gvern iffukat biex isib is-soluzzjonijiet – pero jidher li lanqas hawn mhi qed titwemmen.

B’ħafna nies jgħidulha biex terfa’ r-responsabilta’ għal dak li seħħ kawża tal-qtugħ fis-servizz tal-elettriku.


Oħrajn saħansitra spiċċaw jagħtu s-soluzzjonijiet huma lill-Gvern. Dan fost sensazzjoni ta’ rabja li nħasset sew f’dawn il-kummenti ….minħabba li l-poplu qed iħoss li qed jiġi injorat.

Kumment ieħor jgħid li din il-kriżi hija kollha tort ta’ Gvern korrott li ma nvestiex fl-interess tal-poplu, u li anka f’ nofs krizi bħal din minflok jara li jagħmel dak li huwa ta’ prijorita’ għall-interess tal-poplu …aktar qed jimpurtah li ma jitlifx voti.

Intant, ammont mhux żgħir ta’ kummenti għamlu referenza għall-iskużi li qed tagħti il-Ministru Miriam Dalli, fejn qed tgħid li l-problemi fil-provista tad-dawl huma kaġunn tas-sħana – xi ħaġa li issa żgur mhux qed titwemmen.






Waqt li oħrajn għadhom qed jipruvaw jifhmu jekk issa din il-problema hux se tisolva meta temperaturi jibdew neżlin.
