Fl-isfond ta’ Kunsill Lokali Mosta li mhux jiffunzjona kif mixtieq u mistenni b’xogħlijiet fit-toroq prinċipali li ilhom għaddejjin is-snin, issa qed jirriżulta li l-kontijiet finanzjarji tal-istess Kunsill Lokali Mosta huma fiż-żona l-ħamra bl-istess Kunsill Lokali għandu defiċit li jammonta għal għexieren ta’ eluf ta’ ewro.
Sorsi infurmati li lbieraħ tkellmu ma’ In-Nazzjon żvelaw magħna li bil-qagħda finanzjarja tal-Kunsill Lokali Mosta issa qed jitħasseb sew id-Direttorat tal-Finanzi u l-Procurement Compliance sal-punt li bagħat ittra lis-Sindku Chris Grech u lis-Segretarju Eżekuttiv tal-istess Kunsill Lokali jwissihom li l-Kunsill Lokali għandu bżonn li jibda jżomm strettament mal-baġit li għandu u ma jkunx hemm infieq mhux neċessarju.
Id-Direttorat tal-Finanzi u l-Procurement Compliance kompla li din it-twissija lis-Sindku qed tingħata fid-dawl tal-fatt li l-pożizzjoni finanzjarja tal-Kunsill Lokali Mosta, skont l-Unaudited Report tal-2022, tinsab fi żbilanċ finanzjarju fil-P.& L. ta’ -€44,603 (jiġifieri hi ċifra minn taħt).
Fil-korrispondenza elettronika tiegħu d-Direttorat tal-Finanzi u l-Procurement Compliance jissokta jgħid lis-Sindku u lis-Segretarju Eżekuttiv li din il-korrispondenza elettronika għandha tinġieb għall-attenzjoni tal-membri kollha tal-Kunsill fl-ewwel laqgħa li jmiss tal-Kunsill.
Id-Direttorat tal-Finanzi u l-Procurement Compliance kompla jħeġġeġ lis-Sindku biex jirreferi għal-leġislazzjoni tal-Kunsilli Lokali ‘mod partikulari dwar ir-Regolamenti dwar il-Kunsilli Lokali.
Din il-korrispondenza, li kienet iffirmata minn Joseph Tabone li hu wieħed mill-Uffiċjali fid-Direttorat tal-Finanzi u l-Procurement Compliance, xejn ma tawgura tajjeb għall-operat tal-Kunsill Lokali Mosta.
Bla dubju ta’ xejn li din l-aħbar – probabbilment mistura lill-kuntratturi u lil dawk kollha li qed joffru xi servizzi lill-Kunsill Lokali Mosta – mhu se tinżel tajjeb xejn mal-istess kumpaniji li għandhom jieħdu mingħand il-Kunsill Lokali Mosta. Mhux biss… imma anki ma’ dawk il-kumpaniji li attwalment qed jipprovdu xi servizzi lil dan il-Kunsill Lokali għaliex issa se jispiċċaw f’dubji dwar kemm se jitħallsu għax-xogħlijiet li qegħdin jagħmlu.
Is-sitwazzjoni fil-lokalità tal-Mosta qed tkompli tirriżulta f’waħda mill-aktar kaotika bil-pjazza prinċipali maqlugħa u dan ftit ġranet biss lil hinn mill-festa ta’ Santa Marija li s-soltu tkun ċelebrata bil-kbir.
Ir-residenti Mostin huma issa aktar minn ċerti li apparti mill-ħafna kliem tas-Sindku Laburista tal-Mosta Chris Grech, ix-xogħol fil-pjazza tar-raħal mhux se jkun lest sal-festa bil-probabbiltà li s-Sindku – mingħajr flus fil-Kaxxa tal-Kunsill Lokali – ikollu jirrikorri għal ħafna konkos mal-pjazza kollha biex imbagħad jerġa’ jaqla’ kollox u jkompli bix-xogħlijiet li bħal donnhom ma jridu jispiċċaw qatt.
Mitlub jikkummenta dwar dan ix-xenarju ta’ tħassib għar-residenti tal-Mosta, id-Deputat Nazzjonalista Mosti kkonferma li r-residenti tal-lokalità huma mxebbgħin u mdejqin b’din is-sitwazzjoni diżastruża. “Residenti Mostin, anki jekk kburin li huma Mostin, jgħidulek li ddejqu jgħixu fil-Mosta. Ma ttihomx tort, għax lill-Mosta ġabuha ġungla. Xogħol għandu jsir, imma mhux bla pjan! Fejnhom il-miżuri ta’ kunsiderazzjoni lejn in-negozji, biex ma jħarbtux id-dħul ta’ dawk tal-ħwienet?
“Fejnhom il-miżuri li fl-essenza tagħhom li jpoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet politiċi? Il-Mosta qisha qegħda f’war zone! It-tektik tal-hymac qisu machine gun! Taqqbu t-toroq u taqqbu ras ir-residenti! Għaddejjin non-stop! Mingħajr rispett lejn ħadd!
“Għandhom xi deadline? Ma tkun taf b’xejn. Tagħmel Mistoqsija Parlamentari u jdurulek mal-lewża. Xorta ma ssir taf b’xejn. Iridu jlaħħqu akkost ta’ kollox għax ġejja l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, imam bla pjan. Bla bidu bla tmiem. Il-Mostin għandhom ikunu stmati b’dinjità,” enfasizza Ivan Bartolo.
Hu kompla li f’dawn l-aħħar snin minn meta bdew ix-xogħlijiet interminabbli fit-toroq tal-Mosta u li kienu ta’ tbatija kbira mhux biss għar-residenti, imma wkoll għall-komunità tal-ħwienet u n-negozju, jirriżulta li s-Sindku Laburista tal-Mosta Chris Grech, magħruf bħala ‘In-Najs ‘, għaffiġha bil-kbir għaliex wera li m’għandu l-ebda viżjoni u pjan serju biex jikkonkludi dan il-proġett.
Ivan Bartolo, li mhux biss jgħix fil-qalba tal-Mosta, iżda ta’ kull jum jitkellem mal-Mostin u ma’ dawk li joqogħdu fil-Mosta jissokta li
mistoqsi x’qed jiġri fil-lokalità tal-Mosta, fissirli li jekk wieħed jgħaddi b’xi mod minn waħda mill-akbar lokalitajiet f’pajjiżna, jiġifieri mill-Mosta, jinnota xogħlijiet għaddejjin fit-toroq ewlenin… b’mod partikulari issa fil-pjazza.
“Wara aktar minn sentejn u nofs inħambqu dwar l-inkonvenjenza fi Triq il-Kbira, issa nżilna ftit ’l isfel u beda x-xogħol fil-Pjazza u/lejn Triq il-Kostituzzjoni. Issa x-xogħlijiet indraw… ċioè xogħlijiet ta’ tħaffir li jibda fis-7:30 a.m. u jibqgħu sejrin sa tard waranofsinhar. Mit-Tnejn sas-Sibt. U ġi li wkoll matul il-lejl!”
Hu qal li x-xogħol issa ilu għaddej u dan minkejja li ma ntbagħtet l-ebda korrispondenza lir-residenti biex tgħarrafhom li se jinbdew ix-xogħlijiet, jew almenu tispjegalhom x’inhuma x-xogħlijiet, jew kemm se jdumu x-
xogħlijiet, x’inhuma l-ħinijiet tax-xogħlijiet, u twassal ukoll l-apoloġija tal-Kunsill għall-inkonvenjent maħluq mix-xogħlijiet.
“Lanqas ma ntbagħtet xi tip ta’ korrispondenza lir-residenti li tgħarraf x’miżuri seta’ ħa l-Kunsill biex inaqqas l-inkonvenjent għar-residenti… fosthom l-inkonvenjent ta’ storbju, disturb tat-traffiku”
Filwaqt li qal li din it-tip ta’ korrispondenza hija n-norma fi stati membri oħra ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, Ivan Bartolo fisser li wieħed mill-benefiċċji li tkun membru tal-Unjoni Ewropea hu li suppost li jintwera rispett lejn iċ-ċittadin komuni. Imma f’Malta Ewropea taħt il-Labour tinbidel f’Babel. Taħt il-Labour, iċ-ċittadini Maltinhuma trattati bla ebda rispett.
Il-każ tax-xogħlijiet fil-Mosta hu każ eklatanti. Ix-xogħlijiet għaddejjin bla rispett lejn ir-residenti, bi tħaffir ma jieqaf qatt, minn filgħodu sa filgħaxija, bis-Sibtijietl! U dan meta s-Sindku tal-Mosta jeżerċità l-professjoni ta’ Perit u li hu responsabbli mill-proġetti infrastrutturali!
Taħt il-Labour, l-Istat u l-korpi tal-amministrazzjoni lokali (bħall-Kunsilli Lokali) jinjoraw bil-kbir l-istudji xjentifiċi li juru r-rabta intima bejn l-istorbju u l-problemi tas-saħħa. Studji xjentifiċi diversi wrew bl-aktar mod ċar li l-istorbju mhux biss għandu effetti ħżiena psikoloġiċi (ansjetà, stress, irritabilità, frustrazzjoni, ) imma wkoll effetti ħżiena fiżjoloġiċi.
Imma, Alla jbierek, f’dan il-pajjiż li skont Joseph Muscat kellu jkun “L-Aqwa fl-Ewropa” u skont il-kontinwita politiku u morali tiegħu Robert Abela kellu jkun “L-Aqwa fid-Dinja”, addio dak li tgħid ix-xjenza, li ċ-ċittadin u r-resident jiġu ttrattati mingħajr kunsiderazzjoni.
Ivan Bartolo staqsa fejnhom il-miżuri ta’ sound-proofing biex dax-xogħlijiet ta’ tħaffir ma jtaqqabx moħħ in-nies? Fejnhom il-miżuri ta’ rispett lejn in-nies, biex ix-xogħlijiet ta’ tħaffir ma jibdewx minn filgħodu u jibqgħu sejrin, non-stop, sa filgħaxija?
Għaliex tmien sigħat kull jum ta’ tħaffir – ma jistgħux jonqsu s-sigħat, ukoll jekk il-proġett idum ftit aktar, u forsi r-residenti ma jkollhomx jgħixu b’uġigħ ta’ ras kontinwu, bi stress kbir, u bi kwalità tal-ħajja li issa ilu mwiegħer għal dawn l-aħħar snin?
U l-ħaddiema? Jew dawn meqjusa maċ-Cheap Labour u allura x’jimpurtana minnhom? “Gvern li suppost jaqbeż għall-ħaddiema. Ħafna minnhom huma barranin u dan iwassalni biex ngħid li hemm elementi sottili ta’ skjavitu. Ngħidu aħna, dal-ħaddiema jqattgħu sigħat sħaħ iħaffru bil-hymac u ma jilbsux tagħmir protettiv għal widnejhom. U ħadd ma jgħid xejn,” temm Ivan Bartolo.
//= $special ?>