Is-sitwazzjoni tas-sħana fil-Greċja baqgħet f’livell allarmanti tant li s-sħana min-nirien qalb foresta kkaġunat l-isplużjonijiet f’depot tal-munizzjon – biċ-ċirkustanzi jwasslu għall-evakwazzjoni tal-fighter-jets tat-tip F-16 minn bażi tal-qawwiet tal-ajru Griegi mhux wisq bogħod mid-depot.
It-theżżiż tal-art mill-isplużjoni, flimkien ma’ diversi shock waves, baqgħu jinħassu fl-inħawi ħafna ‘il hinn mid-depot, waqt li mal-133 resident fil-belt ta’ Nea Anchialos spiċċaw jaħarbu mill-inħawi bil-baħar.
Il-bażi tal-qawwiet tal-ajru, fl-inħawi tal-kosta, qed tintuża minn fergħa tal-qawwiet tal-ajru Griegi bl-isem 111 Combat Wing u l-bombi, flimkien mal-missili tat-tip air-to-surface tal-F-16s, kienu qed jinżammu fid-depot inkwistjoni, li tinsab sitt kilometri biss ‘il bogħod mill-mitjar tal-bażi — u fejn, fil-ħin tal-isplużjoni, kien hemm numru ta’ ajruplani weqfin fl-inħawi.
Il-Pulizija kienu wieġbu minnufih għall-emerġenza tan-nirien qalb il-foresta u anki waqqfu speċi ta’ ħitan għas-sigurtà ftit ‘il hinn mill-ajruport. Madankollu seħħew xorta waħda l-isplużjonjiet qawwija li b’xorti tajba ma ħallewx vittmi.
Intant, il-qawwa tal-isplużjonijiet kienet biżżejjed biex tifqa l-ħġieġ tat-twieqi tad-djar f’Nea Anchialos u bix-shock waves kbar jinħassu l-aktar fl-artijiet tal-kosta tar-reġjun ta’ Magnesia u fil-belt ta’ Volos — bl-awtoritajiet jevakwaw lir-residenti mill-villaġġi taz-zona.
Dan ukoll fost id-daqq tal-qniepen tal-knejjes bħala twissija biex ir-residenti jitilqu minn djarhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.
//= $special ?>