Enerġija Lokali

In-negozji sofrew taqlib enormi kawża tal-qtugħ tad-dawl

Malta saret qisha construction site, kulħadd vera mdejjaq

Dan sostnietu l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SME’s Abigail Agius Mamo waqt il-programm Perspettivi fuq Net Television, waqt li kienet qed tiddiskuti l-impatt tal-kriżi tal-qtugħ tad-dawl fuq in-negozji ż-żgħar, kif ukoll kwistjonijiet oħrajn li qegħdin jaffetwaw lill-pajjiż bħalissa.

Abigail Agius Mamo sostniet li kważi kull negozju ġie affetwat mill-qtugħ tad-dawl, li baqa’ għaddej għal kważi ġimgħatejn sħaħ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar semmiet kif illum il-ġurnata kollox jiddependi fuq id-dawl; servizz essenzjali li ħanut ma jistax jgħaddi mingħajru. U għalhekk appellat biex din il-kriżi ma tirrepetix ruħha.

F’din l-intervista, hi semmiet ukoll kif il-pajjiż sar qisu sit ta’ kostruzzjoni wieħed, hekk kif it-toroq qed jiġu kontinwament maqlugħa. Hawn, appellat lill-Gvern sabiex iħares fit-tul, u mhux biss għall-ħames snin li ġejjin.

Abigail Agius Mamo insistiet illi in-negozji jridu is-serħan tal-moħħ sabiex joperaw kif xieraq. U tenniet il-ħtieġa li l-pajjiż ikollu pjan ċar, u direzzjoni.