Internazzjonali

L-Ukrajna: Suċċess militari għall-Armata ta’ Zelensky waqt il-kontro-offensiva


Kelliema għall-Armata Ukrena qalu li s-suldati tagħha kisbu suċċess f’zona ta’ gwerra lejn ix-xlokk tal-Ukrajna u li jawgura tajjeb għall-kontro-offensiva intiża biex il-militar Russu jirtira mill-ibliet li ilu jokkupa għal xhur.

Il-kontro-offensiva tal-Ukreni issa qed tidher qrib fażi deċiżiva u meta t-truppi tal-President Ukren Volodymyr Zelensky qed jippruvaw jegħlbu lir-reżistenza determinata tar-Russi fuq diversi fronti tal-gwerra.

Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky tenna, permezz ta’ filmat, li s-suldati tiegħu ħatfu l-kontroll fil-villaġġ ta’ Staromaiorske, lejn il-lvant ta’ Zaporizhzhia.

Ingħad ukoll li r-Russi spiċċaw jirtiraw ‘f’paniku’ mill-inħawi wara li kien ilhom żmien taħt bumbardament intensiv mill-artillerija tal-Ukreni.

Waqt li s-suldati Ukreni kienu qed jillibraw il-villaġġ, l-ogħla uffiċjali tal-Armata qalu li kwalunkwe avvanzi u rebħ ta’ art għandhom jitqiesu bħala pass eqreb ‘ir-rebħa finali fuq ir-Russi’.

U għalkemm l-Ukrajna ma konfermatx li qed iżżid dejjem aktar reinforzi għall-kontro-offensiva, il-President tar-Russja, Vladimir Putin, insista li l-attakki tal-Ukreni fuq il-qawwiet tiegħu (fl-Ukrajna) intensifikaw b’mod sinifikattiv.

Madankollu, Putin – waqt li kien qed ikellem lill-ġurnalisti – qal li l-Ukreni ‘ma kellhomx xi suċċess partikulari’ minkejja l-ħafna attakki fuq il-pożizzjonijiet tar-Russi.

Intant,il-kummenti ta’ Putin ma kenux ikkonfermati mis-sorsi indipendenti u l-osservaturi barranin mhumiex jemmnuh meta jgħid li l-attakki tal-Ukreni fallew kollha u li l-Armata ta’ Zelensky sofriet telf tat-truppi fuq livell katastrofiku.

Fil-fatt.,  Aleksandr Khodakovsky, alleat ta’ Putin li jmexxi lill-milizzji fl-Ukrajna li qed jingħataw l-appoġġ minn Moska kontradixxa biċ-ċar lill-President Russu dwar dak li għaddej bħalissa.

U l-istess Khodakovsky tenna li l-inħawi ta’ Staromaiorske kienu spiċċaw taħt il-bumbardamenti sistematiċi sakemm is-suldati ta’ Zelensky ikkontrollaw il-periferiji qabel avvanzaw lejn il-qalba tal-villaġġ.

Ftit wara ħarġu l-filmati tat-truppi Ukreni qed itellgħu l-bandiera ta’ pajjiżhom fil-villaġġ u bil-Ministru tad-Difiża Ukrena Hanna Maliar tikkonferma li l-militar tagħha kien qed jikkonsolida l-pożizzjonijiet li kien għadu kemm rebaħ.