L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Public Health Medicine qed tappella b’saħħa għal pjanar fit-tul f’setturi essenzjali fosthom f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi mediċi u s-servizzi fl-isptarijiet.
Dan hekk kif matul l-aħħar ġimagħtejn il-ħaddiema tas-saħħa ma kinux qed ilaħħqu mal-influss ta’ pazjenti li daħlu fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei kaġun tat-temperaturi għoljin u l-qtugħ tad-dawl.
Fl-istqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Public Health Medicine esprimiet tħassib dwar in-nuqqas ta’ riżorsi fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna – tant li kaġun tal-influss ta’ pazjenti diversi operazzjonijiet kellhom jiġu posposti.
L-Assoċjazzjoni qalet li tinsab ferm inkwetata dwar in-nuqqas ta’ investiment u pjanar f’setturi li huma kruċjali għall-pajjiżna fosthom is-settur tas-saħħa.
Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni fakkret li l-mewġa ta’ sħana kienet waħda mistennija u dawn it-temperaturi se jkunu aktar frekwenti. Għalhekk, din ir-realtà flimkien maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni se tkun ta’ piż akbar fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna. U fuq is-settur tas-saħħa.
L-Assoċjazzjoni sostniet li jekk mhux se jsir investiment bl-aktar mod immedjat diversi setturi f’pajjiżna se jkomplu jbatu. Dan għaliex mal-problema li hemm fit-trasport issa żdied l-elettriku kif ukoll is-settur tas-saħħa – affarijiet li kollha huma kruċjali għall-ħajja ta’ kuljum.
Fl-istqarrija, dawn il-professjonisti mediċi sostnew li pajjiżna ma jistax jibqa’ jiffoka biss fuq tkabbir ekonomiku għad-detriment tas-saħħa u l-kwalita tal-ħajja tal-bniedem. U allura, appellaw għal aktar investiment f’setturi varji fosthom fis-settur tas-saħħa, tal-enerġija, u tat-trasport.
//= $special ?>