Atletika Sport

Mario Grech jirbaħ it-tġrija Birkirkara St. Joseph Road Running Series

It-tieni tiġrija ta’ Birkirkara Saint Joseph Road Running Series, fuq distanza ta’ ħames kilometri organizzata flimkien ma’ Corsa, kienet eżempju ta’ konsistenza meta Mario Grech u Andrew Grech ġrew spalla ma’ spalla għal parti ‘l kbira mill-korsa ta’ 5 kilometri fl-Imtarfa.

Kienu l-aħħar għaxar sekondi li sseparaw lir-rebbieħ tat-tellieqa Mario Grech mill-eqreb avversarju tiegħu Andrew Grech f’dik li kienet ripetizzjoni tal-ewwel tiġrija li saret f’Ġunju. Bl-aħħar spinta Mario Grech kiseb it-tieni rebħa quddiem Andrew Grech. Julian Sammut li kien viċin tagħhom kiseb it-tielet pożizzjoni.

Fil-kategorija tan-nisa, Carmen Hili, rebbieħa tal-ewwel tiġrija, kellha kompetizzjoni b’saħħitha minn Rachel Borg u Francesca Arrigo. Borg ħadet vantaġġ mill-bidu fejn kienet segwita minn Arrigo u Hili. Eventwalment it-tlieta żammew dawn il-pjazzamenti sa tmiem tat-tellieqa.

It-tellieqa finali minn din is-serje se ssir nhar it-Tlieta 8 ta’ Awwissu.