Lokali Qorti

Mixli li abbuża sesswalment żewġ subien taħt it-12-il sena

Raġel ta’ nazzjonalità Indjana inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li f’dawn l-aħħar xahrejn abbuża sesswalment minn żewġ aħwa, ta’ 11 u 8 snin. Ir-raġel ta’ 36 sena, li ismu ma jistax jiġi ppubblikat b’ordni tal-qorti sabiex tiġi protetta l-identità taż-żewġt itfal, ġie rrappurtat lill-pulizija minn missierhom wara li osserva lir-raġel, li kien ħabib tiegħu, jagħmel avvanzi fuqhom.

Huwa qal lill-pulizija li kellem lit-tfal tiegħu li kkonfermaw x’kien jagħmel magħhom l-akkużat. L-ispettur Gabriel Kitcher qal lill-Maġistrat Noel Bartolo li r-raġel ġie arrestat it-Tlieta wara nofsinhar wara mandat ta’ arrest maħruġ mill-Maġistrat tal-Għassa.

L-ebda dettalji ma ngħataw fil-qorti iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa biex tingħata l-libertà proviżorja. Il-Qorti ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja minħabba l-familjarità tal-akkużat mas-subien u l-qraba tagħhom, in-natura serja tal-akkużi u l-biża’ li jaħrab mill-pajjiż.

Ir-raġel ġie mixli li b’għemil żieni kkorrompa persuni taħt is-16-il sena, f’Bulebel u l-Fgura matul ix-xahar ta’ Ġunju u Lulju ta’ din is-sena, fuq persuni li lanqas għalqu t-12-il sena Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Dorianne Tabone u Gabriel Kicher mgħejjuna mill-Avukat Darlene Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu avukati difensuri. l-Avukat Roberta Bonello kienet parte civile fil-każ.