Lokali Qorti

Multa ta’ €8,000 kull wieħed għal żewġt irġiel li fuq moħqrija ta’ żiemel

Felice Delia ta’ 58 sena minn Marsaskala u Lucas Vassallo ta’ 33 sena minn Ħal Tarxien ġew immultati €8,000 kull wieħed wara li nstabu ħatja li f’Ġunju ta’ sentejn ilu u qabel fuq moħqrija ta’ żiemel – bil-Maġistrat Rachel Montebello tgħid li l-Qorti rat il-filmati u r-ritratti li kienu parti mir-rapport u ddeskrivithom bħala xokkanti u tat-tkexkix.

“Huwa diffiċli jitwemmen kif bniedem jista’ xjentement jagħżel li jħalli lill-annimal tiegħu jispiċċa fi stat magħdur u kritiku fejn fix-xhieda tad-diversi persuni li xehdu fil-każ, jeżistu l-estremi ta’ traskuraġni u abbandun. “Id-drittijiet tal-annimali għandhom jigu rispettati u li l-bniedem li jżomm l-annimali mingħajr ma jassigura li dawn iddrittijiet jigu mħarsa, għandu jkun soġġett ghall-effetti korrispondenti tal-ligi.

Dr. Luke Vella Versin xehed illi ż-żiemel kien miżmum ġo kamra tal-ġebel li ma dehritx li kienet f’qagħda sigura strutturalment u meta mar fuq il-post fit-23 ta’ Ġunju, 2021, sab liż-żiemel “fi stat terribbli”, “fi stat gravi, gravi ħafna, jiġifieri stat ta’ bejn ħajja u mewt, kien mimli kollu … maggots, dud tad-dubbien, feriti kullimkien ma’ ġismu , irqiq ħafna … l-aħħar stage tal-ħajja kważi …bilkemm kien felaħ jimxi”.

Qal ukoll: “mhux xi ħaġa ta’ kuljum tara żiemel f’dak l-istat.” Iddeskriva li l-kamra fejn kien miżmum iż-żiemel kienet magħluqa b’xatba kellha terran imqalleb magħmul minn ġebel mhux invell. Ikkonferma wkoll li ma kienx hemm ilma tajjeb għax-xorb għalkemm kien hemm xi qxur ta’ ħaxix mal-art.


Xehed ukoll li ż-żiemel tant kellu feriti fondi f’saqajh u taħt idejh li d-dubbien kien qed ibid ġo fihom u tant kienu ġew traskurati dawn il-feriti li kien fihom mijiet jekk mhux eluf ta’ maggots. Corinne Farrugia li tieħu ħsieb l-RMJ Horse Rescue, ikkonfermat l-istat gravi li kien jinsab fih iż-żiemel meta ttieħed għandha fit-23 ta’ Ġunju 2021.

Hija fissret li fit-12-il sena li ilha ssalva u tieħu ħsieb iż-żwiemel, dan kien l-iktar każ gravi li qatt rat, fejn iż-ziemel kellu bżonn kura medika l-ħin kollu, tant illi hija għamlet iljieli sħaħ torqod miegħu peress li għamel l-ewwel xahrejn bejn ħajja u mewt.

Illum iż-żiemel jinsab fi stat tajjeb

Ikkonfermat ukoll li żżiemel hija semmietu ‘Baby’ għaliex kien għadu żgħir ħafna meta ġabuh għandha u
bil-kura li tawh fl-RMJ Horse Rescue, iż-żiemel illum irkupra u jinsab fi stat tajjeb. Il-Pulizija George Attard xehed hekk dwar l-istat li fih sab iż-żiemel.

Qal “…tal-biża’, l-istat li kien fih l-annimal … Iż-żiemel sibtu mingħar ikel, mingħajr ilma, xejn ma kellu
jiġifieri. … kien fuq saqajh iż-żiemel pero’ kien fuq rasu ġol-art, distakkat, ma jridx kuntatt ma’ ħadd …”.

Felice Delia kien stqarr li madwar tliet xhur qabel, Lucas kien ġablu ż-żiemel tiegħu biex jeħodlu ħsiebu u meta ġabu kien diġa’ imħarbat u magħlub ħafna iktar milli meta kienu sabuh il-Pulizija. Stqarr ukoll li Lucas kien iġiblu titqib u vitamini u kienu jtaqqbuh kull filgħodu, jeħduh dawra izda mbagħad iż-żiemel kien jgħejja u kienu jerġgħu jieħduh f’postu.

Iż-żiemel kien ġarrab il-ġrieħi li nstabu fuqu għaliex kien jinstelaħ meta kien jitmiegħek mal-art iżda huwa kien dewwieh bl-ilma baħar. Felice Delia ċaħad li kien jieħu ħsieb dan iż-żiemel u insista li kien Lucas li kien responsabbli għall-ikel u mediċina għaż-żiemel. Iżda stqarr li huwa kien jitimgħu kuljum għax Lucas kien traskurat u dwar dan kien iċempel lil Lucas kuljum.

Ma riedx iqum minn ma’ l-art

Darba minnhom kien sab iż-żiemel fl-art u ma riedx iqum u hemmhekk ċempel lil Lucas Vassallo biex jgħidlu li ż-żiemel marid, iżda għalkemm qallu li kien ġej jgħinu, dam ħafna ma ġie. Qal li dakinhar Lucas Vassallo kien mar il-Marsa u ġab fliexken tal-gass bojod u kannella u siringi, iżda kien itaqqbu huwa stess għaliex kien ilu snin itaqqab żwiemel.

Iż-żiemel kien iqum iżda wara xi żmien kien jerġa’ jaqa’. Lucas Vassallo, kien ġie interrogat mill-Pulizija fil-21 ta’ Lulju 2021 u rrilaxxa stqarrija wara li kien ġie mwissi bid-drittijiet legali tiegħu u wara li ddikjara li
jirrinunzja għad-dritt li jkun assistit minn avukat.

Stqarr illi huwa kien xtara żiemel bi tpartit xi erba’ xhur qabel u kien f’qagħda ta’ saħħa ħażina. Ma tantx kellu ħin x’jiddedika għall-kura taż-żiemel u għalhekk kien tah lil Felice Delia biex jitmagħhulu u jeħodlu ħsieb u kien iħalli f’idejh, għalkemm mhux l-ewwel darba li kien iċempillu biex iġiblu xi xkora ġwież.

Kien iħallilu ħafna tiben ukoll sakemm dam jieħu ħsieb dan iż-żiemel. Dan iż-żiemel huwa jaqbel li hu l-istess żiemel li jidher f’ritratti li ntwerielu dak il-ħin waqt l-interrogazzjoni. Xi tliet ġimgħat qabel iż-żiemel ittieħed mill-uffiċjali tal-Animal Welfare, huwa ried ineħħih u jbiegħu għaliex ma kellux ċans jieħu ħsiebu minħabba xogħol u familja, iżda Felice Delia kien qallu li lest li jieħdu hu u hu kien tahulu.

Huma ftiehmu li Delia kellu jieħu ħsieb iż-żiemel hu u ma jkollux x’jaqsam iktar miegħu. Stqarr li dak
iż-żmien iż-żiemel kien għadu sew. Fil-fatt Felice qatt ma reġa’ ċempillu ħlief meta darba ċempillu għaliex iż-żiemel kien waqa’ u ma setax iqajmu waħdu.

Kien il-Ħadd u kellu jinżel minn Għawdex fejn sab iż-żiemel mimdud mal-art jagħti b’saqajh u bagħtu għand xi ħadd il-Marsa fejn ġab titqib għall-uġigħ ta’ żaqq u għamlu ġimgħa jtaqqbuh u tawh il-kors kollu.

Bit-titqib iż-żiemel beda jqum bil-mod iżda bil-lejl kien jaqa’ u peress li kien jitħabat kien hawnhekk li bdew joħorġulu l-slieħ u l-feriti. Qal li kien inaddfulu l-feriti flimkien ma’ Felice Delia. Lucas Vassallo qal ukoll illi ġurnata qabel li ż-żiemel ittieħed mill- uffiċjali tal-Animal Welfare, huwa mar mal-mara biex jitawwlu liż-żiemel u marru wkoll itawwlulu l-għada filgħodu u rawh

Il-Qorti osservat, li l-imputati baqgħu ma kkontestawx il-prova li ressqet il-Prosekuzzjoni bix-xhieda ta’ Dr. Steve Farrugia, li qal li ntefaq xejn inqas mis-somma ta’ €4,196.50 fi spejjeż għat-trattament taż-żiemel in kwistjoni. Għaldaqstant il-Maġistrat ordnat illi l-imsemmija somma titħallas lil Dr. Farrugia għan-nom ta’ RMJ Horse Rescue b’żieda mal-piena. jiġifieri €2,098.25 kull wieħed.

Il-Qorti ordnat ukoll ir-revoka ta’ kull permess maħruġ għall-operat ta’ kull attività f’isem l-imputati ta’ kull
liċenzja għaż-żamma ta’ annimali għal perijodu ta’ tliet (3) snin u għal dan il-fini ordnat li kopja ta’ din is-sentenza tintbagħat lid-Direttur għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro.