Rapport tal-Bank Ċentrali maħruġ illum juri illi f’Ġunju, skont l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, is-sentiment ekonomiku f’Malta naqas meta mqabbel ma’ Mejju, għalkemm baqa’ marġinalment ogħla mill-medja storika tiegħu hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002.
Xahar fuq xahar, is-sentiment naqas fis-setturi kollha, ħlief fis-settur tas-servizzi. It-tnaqqis l-aktar b’saħħtu ġie rreġistrat fis-settur tal-kostruzzjoni.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur
(HICP) kienet fil-livell ta’ 6.2% f’Ġunju.
Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li l-aspettattivi tal-prezzijiet f’Ġunju kienu ferm
inqas mil-livell ta’ sena ilu fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u fl-industrija. L-aspettattivi tal-prezzijiet
fost in-negozji fis-servizzi u fost il-konsumaturi wkoll niżlu bi ftit meta mqabbla ma’ sena qabel.
Min-naħa l-oħra, l-aspettattivi tal-prezzijiet fis-settur tal-kostruzzjoni kienu ferm ogħla mil-livell
irreġistrat f’Ġunju 2022.
F’Mejju, il-produzzjoni industrijali kibret b’ritmu inqas mgħaġġel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut
żdied b’rata marġinalment aktar mgħaġġla, meta mqabbla ma’ April. F’Mejju, ir-rata tal-qgħad
irritornat għall-iktar livell storikament baxx ta’ 2.8% – minn 2.9% fix-xahar ta’ qabel, u 3.1%
f’Mejju 2022.
F’Mejju, il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali naqsu meta mqabblin mal-livelli ta’ sena
ilu, u anki f’termini ta’ xahar fuq xahar. B’kuntrast, il-permessi maħruġa għal bini residenzjali
naqsu fuq ix-xahar ta’ qabel iżda kienu f’livell kemxejn ogħla mis-sena ta’ qabel.
F’Ġunju, in-numru ta’ konvenji tela’ sena fuq sena, filwaqt li naqas in-numru ta’ kuntratti ta’
bejgħ.