Lokali

Robert Abela jirreaġixxi “too little too late”

Kellu bżonn li l-poplu jbati biex Robert Abela jirrealizza li jeħtieġ li jsir l-investiment?

Fi stqarrija maħruġa mil-Partit Nazzjonalista saħħaq li l-istqarrijiet insensittivi ta’ Robert Abela dwar il-blackouts li l-poplu Malti u Għawdxi għadu jsofri sal-lum, jitfgħu dubji serji dwar kemm hu konxju tal-problemi li l-poplu għadda minnhom fl-aħħar ġimagħtejn.

Kull jum li jgħaddi qed joħroġ fil-beraħ kemm il-Gvern ta’ Robert Abela naqas għal kollox lill-poplu Malti, hekk kif wara snin fit-tmun, issa qed jitlob li ssir aġenzija dwar it-tibdil fil-klima.

Lura fl-2019 il-Partit Nazzjonalista kien strumentali biex pajjiżna jsejjaħ stat ta’ emerġenza nazzjonali, b’mozzjoni li kien ressaq fil-Parlament. Dan filwaqt li wieħed jista’ jsib l-istess proposta dwar l-aġenzija dwar it-tibdil fil-klima fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista tas-sena 2022.

Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien u għadu jemmen li jeħtieġ li nħarsu l-ambjent tagħna, filwaqt li tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

Inant kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista, kien ikun aħjar għal dan in-nazzjon li kieku l-Gvern ta’ Robert Abela implimenta l-idea tal-Partit Nazzjonalista minnufih u ta l-appoġġ lill-istess idea xhur ilu, u mhux kien hemm bżonn li pajjiżna u l-poplu jsofru danni kbar kaġun tal-kriżi fl-enerġija li daħħalna fiha Robert Abela stess. Il-poplu Malti ma jixraqlux Gvern tar-reazzjonijiet, il-poplu Malti jixraqlu Gvern immexxi b’viżjoni u serjetà.