Raġel ingħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li ħames snin ilu ta daqqa ta’ sieq f’ras il-partner tiegħu. Huwa nstab ħati li qabadha minn xagħarha u taha daqqa ta’ sieq f’wiċċha waqt wieħed mill-argumenti tagħhom, f’każ ċar ta’ vjolenza domestika.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet lill-mara tirrakkonta l-inċident li seħħ fis-17 ta’ Settembru 2018, f’Marsascala. Dakinhar kellha argument mas-sieħeb tagħha li matulu qabadha minn xagħarha, tefagħha mal-art, qabeż fuq il-kustilji biż-żewġ riġlejn u wara taha fuq rasha.
Waqt l-attakk, hija sofriet minn laċerazzjoni fuq moħħha. Huwa rrifjuta li jsejjaħ ambulanza meta talbitu jagħmel dan, u qalilha li ma kellha bżonn l-ebda assistenza medika. Wara spiċċat ħarbet mid-dar, ħafja, u marret id-dar tal-ħabiba tagħha li togħod fil-qrib, fejn ċemplu ambulanza kif ukoll lill-pulizija.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li l-verżjoni tal-mara ma ġiet ikkontradetta bl-ebda mod mill-imputat jew mill-avukati tiegħu, u għalhekk il-Qorti kienet qed tieħu din bħala l-verżjoni reali tal-avvenimenti. Hija sabitu ħati li weġġa’ serjament lis-sieħba tiegħu iżda ma sabitux ħati li wassalha biex tibża’ mill-vjolenza peress li l-pulizija ma rnexxilhiex tipprova din l-akkuża.
Għalkemm il-mara qalet lill-Qorti li inċidenti simili kienu seħħew qabel, inkluż waqt li kienet barra minn Malta, il-Qorti sabet li dan ma kienx issostanzjat b’evidenza. Il-Qorti tat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-mara, valida għal tliet snin. L-Ispettur tal-Pulizija Oriana Spiteri mexxiet il-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu l-avukati difensuri.
Sentenza sospiża wara li ta daqqa ta’ sieq u qabeż fuq il-kustilji tas-sieħba tiegħu


