Grupp G:
ARĠENTINA…………..2
AFRIKA T’ISFEL………2
L-Arġentina u l-Afrika t’Isfel fallew milli jieħdu l-ewwel rebħa fil-kompetizzjoni meta f’konfront bejniethom fil-Forsyth Barr Stadium spiċċaw fi draw ta’ 2-2.
L-Afrikani marru minn fuq man-nofs siegħa logħob meta Thembi Kgatlana rċeviet pass li qata’ d-difiża għal kollox u wara li avvanzat lejn il-goalkeeper avversarju qasmet lil Linda Motlhalo li b’lasta vojta tefgħet fix-xibka. Il-gowl inizjalment tħassar għal offside, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR il-gowl kien ikkonvalidat u l-ewwel taqsima ntemmet 1-0 għall-Afrika t’Isfel.
It-tim immexxi minn Desiree Ellis irdoppja fis-66 minuta minn azzjoni mibdija minn Jemaine Seoposenwe li wara li serqet ballun mal-linja lil Cometti, tefgħet lejn in-nofs bejn kien hemm Kgatlana li mill-viċin ma’ żbaljatx.
Fl-74 minuta bdiet ir-rimonta tal-Arġentini minn ballun li kien imtajjar mid-difiża tal-Afrika t’Isfel iżda ġie f’tarf il-kaxxa għand Sophia Braun li bi ġmiel ta’ xutt tefgħet il-ballun fir-rokna tax-xibka bil-goalkeeper Suart ma setgħet tagħmel xejn.
Għaddew biss ħames minuti u wasal il-gowl tad-draw għall-Arġentina. Kien kross ta’ Yamila Rodriguez lejn Romina Nunez li b’daqqa ta’ ras tefgħet wara Suart għal skor finali ta’ 2-2.
//= $special ?>