“Mhux ħa ngħidlek kienet il-punto forte ta’ pajjiżna għal għexieren ta’ snin il-viżjoni fit-tul.”
Din kienet l-ammissjoni ta’ Robert Abela dwar it-tmexxija ta’ Gvernijiet Laburisti fl-aħħar snin – aġir li qed iħallas għaliħ iċ-ċittadin, il-mijiet ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin – in-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul li l-Partit Nazzjonalista ġimgħa wara l-oħra appella għaliha bi proposta waħda wara l-oħra.
Għat-tielet darba fi ftit jiem, Robert Abela ħass li kellu jwassal il-messaġġ tiegħu fuq ir-radju tal-midja tal-Labour fejn tkellem dwar l-investiment fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-enerġija.
Wara aktar minn ġimgħa bil-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll turisti li ġew iqattgħu l-vaganzi tagħhom sabiex igawdu lill-pajjiżna jkollhom iħabbtu wiċċhom ma qtugħ fil-provvista tal-elettriku kontinwa għal-sigħat u jiem sħaħ…..issa Abela qed jinsisti dwar il-bżonn li jsir l-investiment.
Dan ftit tal-jiem biss wara li saħansitra ammetta li l-Gvern kien konxju mill-problemi li kien hemm għal dawn l-aħħar snin.
Robert Abela kompla jfarfar il-qtugħ esaġerat fil-provvista tal-elettriku fuq it-tibdil fil-klima fejn surrealment għaliex il-Partit Nazzjonalista kritika n-nuqqas ta’ investiment għad-detriment tal-poplu, Abela attakka lill-Oppożizzjoni fejn saħaq li donnu ma jemminx f’dan il-fenomenu. Ir-realtà hi li kienet Oppożizzjoni Nazzjonalista lura f’Ottubru tal-2019 li ressqet mozzjoni sabiex il-Parlament Malti jiddikjara Stat ta’ Emerġenza fil-Klima….bil-Gvern tal-Labour jirrifjuta li jkun hemm uffiċjal maħtur mill-Parlament u jsus sabiex jintlaħqu miżuri ambjentali. Fuq in-naħa tal-Gvern, dak iż-żmien kien hemm fost oħrajn Robert Abela nnifsu.
Matul l-invervista, Abela tkellem dwar il-kontijiet tad-dawl iżda naqas milli jitkellem dwar il-kumpens li ħaqqhom bi dritt il-familji Maltin u Għawdxin.
Hekk ukoll naqas mill-isfidi u l-kriżijiet li s-settur tas-saħħa f’pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħhom għad-detriment tal-pazjenti u tal-ħaddiema – bil-MAM tesprimi d-diżappunt tagħha għall-fatt li Abela u t-tim tiegħu ma għandhom ebda interess li jinvestu fl-infrastruttura tas-saħħa biex jilqgħu għaż-żieda sproporzjonata fil-popolazzjoni – frott il-mudell ekonomiku adottat minn Amministrazzjonijiet Laburisti.
//= $special ?>